Lokali

Studenti Għawdxin jilmentaw dwar librerija fqira fl-MCAST ta’ Għawdex

F’dawn il-jiem diversi studenti li jattendu l-MCAST f’Għawdex avviċinaw lil maltarightnow.com u lmentaw kif f’din l-Iskola mhux biss hemm nuqqas kbir ta’ kotba adegwati, iżda l-librerija nnifisha fl-istess Skola hi waħda verament fqira.

Dawn l-istudenti qalu li matul ix-xhur li għaddew sar xogħol kbir fl-Iskola tal-MCAST f’Għawdex u llum jista’ jingħad li din hi skola ġdida u mgħammra b’kollox. Madankollu min ħaseb biex jgħammar din l-Iskola xejn ma ta importanza lil-Librerija tal-istess skola tant li hi deskritta bħala waħda mill-aktar fqira.
Jirriżulta fil-fatt li meta l-istudenti jistaqsu għal xi kotba lil-Librar li jmexxi din il-librerija, dan jispiċċa biex jimbarazza lilu nnifsu għax ma jkunx jista’ jaqdi lill-istudenti.
Aktar informazzjoni fil-ħarġa ta’ għada tal-ġurnal In-Nazzjon.

Fi tweġiba għal din l-istorja, il-Prinċipal tal-MCAST, Stephen Cachia, kkonferma li l-librerija fil-kampus t’Għawdex hija waħda “żgħira”. Qal li “l-kotba kollha li kienu fis-sezzjoni tal-MCAST fi ħdan il-librerija pubblika mmexxija mill-kunsill lokali tax-Xagħra ġew transferiti għal-librerija tal-kampus il-ġdid f’Għajnsielem.”

Qal li din il-kollezzjoni tiżdied, sena wara l-oħra, abbażi ta’ bżonnijiet akkademiċi u talbiet li jsiru mill-istaff tal-MCAST f’Għawdex.

Il-Prinċipal qal li l-istaff u l-istudenti tal-MCAST f’Għawdex huma mgħarrfa li jistgħu jisselfu wkoll kotba li jinsabu fil-librerija fuq il-kampus ta’ Kordin jew f’xi waħda mil-libreriji f’istituti ohra. Dan jista’ jsir faċilment permezz ta’ rikjesta b’email indirizzata lil-librar.