Internazzjonali Saħħa

Tiftaħ kawża ta’ €750,000 minħabba l-waiting list

Omm ta’ tnejn li qed tmut bil-kanċer ressqet lin-National Health Service ta’ Wales il-qorti wara li hi kellha tistenna kważi sitt xhur biex tara speċjalista dwar il-kanċer u wara li qaluluha mill-isptar li l-każ tagħha ‘ma kienx urġenti’.

Il-mara, Katie Maytum, ta’ 35 sena, indunat, f’Lulju tal-2010, li kienet telgħetilha boċċa f’sidirha u meta marret għand it-tabib tagħha, f’Maesteg, f’Wales, hu immedjatament irreferiha għal network tal-kanċer.

Madankollu, il-konsulent kirurgu mal-Princess of Wales Hospital, fi Bridgend, iddeċieda li l-każ ta’ Maytum ma kienx wieħed urġenti. Il-mara, iżda, kompliet tinkwieta u reġgħet marret għand it-tabib li infurmaha li ‘permezz li kien diġa irreferiha’ għan-network tal-kanċer, hi kien se jkollha tistenna ‘biex tisma mill-isptar’.

Għaldaqstant, Maytum, li għandha 35 sena, qed titlob kumpens ta’ 750,000 lira Sterlina mingħand l-NHS Wales wara li, f’April ta’ din is-sena, saret taf li kien fadlilha biss 18 il-xahar ħajja. L-omm temmen li d-dawmien bla bżonn fid-djanjosi u t-trattament tagħha kkontribwew għall-każ tal-kanċer avvanzat li qed tbati bih.