Lokali

Attenti: Mewġa ta’ serq fiż-Żejtun

Mara tirrakkonta kif kienet fil-mira tal-ħallelin

Dan is-sit jinsab infurmat li fl-aħħar ġimgħat seħħet mewġa ta’ serq fiż-Żejtun, partikolarment minn minn residenzi privati.

Persuna li tkellmet ma’ MaltaRightNow irrakkuntat l-esperjenza tagħha fejn għal ftit ma spiċċatx hi ukoll fil-mira tal-ħallelin.

Din il-persuna li fl-aħħar jiem, kienet weħidha d-dar meta semgħet ċavetta dieħla fil-bieb. Il-persuna, li ħasbet li d-dar kien wasal lura qarib tagħha, għajjtet: “ara, wasalt fl-aħħar?”. Ma dawn il-kelmiet, il-ħsejjes fis-serratura waqfu. Malli l-persuna marret biex tiċċekkja min kien wasal, skopriet li ma kien hemm ħadd fil-bieb jew fl-inħawi.

Filwaqt li nistgħu ngħidu li din il-persuna ‘ġietha tajba’, MaltaRightNow jinsab infurmat ukoll li fi Triq San Piju 10 fl-aħħar ġimgħat seħħew tlett serqiet minn djar privati ta’ anzjani.

Mill-informazzjoni li għandna il-ħallelin li serqu lil dawn l-anzjani, apparti dak li serqu, ħadu wkoll magħhom is-serratura tal-bibien. Fost is-suspetti hemm li dawn il-ħallelin qed jużaw ‘master key’ li b’xi mod tista’ tagħti aċċess għal dawn il-bibien.

Intant, il-persuna li tkellmet ma’ MaltaRightNow u li qalet li kienet fil-mira tal-ħallelin, qaltilna wkoll li se tkun qed tagħmel rapport mal-Pulizija.

Agħfas hawn għal storja ppubblikata minn dan is-sit dwar din il-mewġa ta’ serq