Ħafna faħħru d-diskors ta’ Simon Busuttil ilbiraħtlula fil-Parlament. Sod u ġenwin, Simon Busuttil fisser kif il-baġit ma kien xejn għajr cover-up, ħabi tan-nuqqas ta’ direzzjoni ekonomika, duħħan biex jaħbi t-taxxi li daħħal Joseph Muscat, paraventu biex jgħatti n-nuqqas ta’ ruħ soċjali tiegħu, il-ħabi tal-qgħad b’eluf ta’ impjiegi mal-gvern, u l-gideb biex Muscat jaħbi l-abbuż tal-poter u l-iffangar fi flus il-poplu.
Simon Busuttil sod quddiem l-abbuż tal-poter…
Mal-kritika qawwija għal baġit cover-up, Simon Busuttil kixef il-maskra ta’ sensiela sħiħa ta’ Ministri li qed jabbużaw mill-poter u li mill-aġir tagħhom – investigat anke f’kawżi fil-Qrati – ħierġa riħa tinten ta’ ħmieġ. Ħafna nies raw lil Simon Busuttil sod quddiem l-abbuż ta’ poter minn Gvern ta’ Joseph Muscat li tant wiegħed il-kontabilità u l-kultura tar-riżenji imma li ddeġenera f’Ministri u Deputati jaħtfu kemm jifilħu.
…quddiem il-gideb…
Kien ukoll qawwi ħafna Simon Busuttil quddiem il-gideb fl-iskandlu ta’ Manwel Mallia; gideb li qed jittimbra lill-Gvern Laburista minn fuq s’isfel mhux biss bil-gideb oxxen tal-Ministru ta’ Muscat, il-Ministeru tiegħu u x-xandir pubbliku li jikkontrolla imma wkoll il-gideb tal-Prim Ministru nnifsu bil-wegħda tar-riżenja, bil-gideb fuq power station on track u b’wegħdi oħrajn li qed iwettaq biss fil-maqlub.
…u quddiem l-irwejjaħ tal-ħmieġ fil-kuntratti tal-Gvern
Tant iddeġenera dal-Gvern li l-iskandlu ta’ Manwel Mallia – li l-Prim Ministru ma jridx jew ma jistax ineħħih – hu biss wieħed fost ħafna. Skandlu ieħor qawwi li spjega Simon Busuttil hu dak ta’ Chris Cardona bi ndħil kbir u sa mill-bidu fil-proċess biex tingħata liċenzja għal każinò ieħor. Dan il-proċess qed ikun investigat f’kawża fil-Qorti fejn ħerġin irwejjaħ ta’ ħmieġ u saħansitra allegazzjonijiet ta’ ġuramenti foloz.
Il-viżjoni ta’ Simon Busuttil għalik, mhux għal tal-qalba
Kif fisser Simon Busuttil fid-diskors tiegħu, il-Gvern ta’ Joseph Muscat m’għandu l-ebda viżjoni ħlief kif tal-qalba se jaħtfu għalihom u għal ta’ madwarhom b’abbuż ta’ poter u tal-flus li nħallsu f’taxxi. Imma ma waqafx hemm. Simon Busuttil wera wkoll il-personalità ta’ politiku ta’ viżjoni kif ilu minn kmieni fil-karriera tiegħu meta kien strumentali biex aħna l-Maltin nifhmu xi tfisser l-Unjoni Ewropea u ma nibilgħux il-gideb tal-kampanja kontra l-Ewropa mmexxija minn Joseph Muscat.
Opportunitajiet, solidarjetà, ġid komuni
Din il-viżjoni hi għalik: opportunitajiet bix-xogħol produttiv, bl-edukazzjoni u bit-taħriġ; solidarjetà ma’ kull min hu vulnerabbli; u ġid li nistgħu ngawduh flimkien u nħalluh lil ta’ warajna bħall-ambjent. Din hi l-viżjoni ta’ opportunitajiet, solidarjetà u ġid komuni li Simon Busuttil fassal anke f’diskors li fih waqqa’ bil-qawwi l-maskra ta’ Gvern mibni fuq il-gideb u fuq l-abbuż ta’ poter u ta’ flus il-poplu.
//= $special ?>