Internazzjonali

Film dwar Steve Jobs se jinħadem minn Universal Pictures

Universal Pictures se jaħdmu film bażat fuq il-ħajja ta’ Steve Jobs, il-ko-fundatur tad-ditta Apple. Dan wara li Sony Pictures irtiraw mill-proġett il-ġimgħa li għaddiet.

Skont Hollywood Reporter, hu rappurtat li l-istudio ħallas aktar minn $30 miljun għat-titlu.

L-attur Michael Fassbender se jinterpreta l-parti ta’ Jobs fil-film, bażat fuq il-bijografija ta’ Walter Isaacson dwar l-eks imprenditur.

Il-film se jkollu direzzjoni ta’ Danny Boyle, bi script ta’ Aaron Sorkin.

Diversi atturi famużi ġew assoċjati ma’ dan il-film, fosthom, Leonardo di Caprio u Christian Bale.

Jobs kien persuna kariżmatika u ‘surmast’ biex ippreżenta l-aħħar prodotti ta’ Apple. Iżda l-karriera tiegħu żviluppat b’mod drammatiku.

Wara li waqqaf id-ditta Apple ma’ Steve Wozniak fl-aħħar tas-snin Sebgħin, hu tkeċċa mill-kumpanija fit-Tmeninijiet.

Fis-snin Disgħin, Steve Jobs ġie aċċettat mill-ġdid fi ħdan Apple meta d-ditta spiċċat fl-inkwiet u ppresieda fi żmien meta kienet saret l-aktar kumpanija b’saħħitha u produttur tal-iPhone.

Steve Jobs miet f’Ottubru tal-2011 fl-eta’ ta’ 56 sena wara ġlieda twila mill-marda tal-kanċer fil-frixa.