Lokali

Filmat: Il-Prim Ministru jigdeb dwar l-onorarja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat inqabad jigdeb. Din id-darba dwar l-onorarja tad-Deputati.

Waqt id-diskors tiegħu fil-Parlament b’rezzjoni għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li jiddefendi l-fatt li d-Deputati Laburisti qed jiffangaw f’karigi u minn fondi pubbliċi, u minflok għażel li jattakka l-Kabinett l-antik biż-żieda fl-onorarja, fejn qal li hemm eks Ministru li għadhom ma rritornawx iż-żieda fl-onorarja, kif kien intqal fl-2012.

Iżda dak li qal Joseph Muscat it-Tlieta filgħaxija jikkontradixxi għal kollox dak li qal l-istess Joseph Muscat, meta kien diġa’ Prim Ministru, meta waqt il-programm ‘Dissett’ ġimgħa wara li sar Prim Ministru, kien ammetta li l-eks Ministri kienu rritornaw l-onorarja.

F’kummenti ma’ ‘The Times’, is-Segretaru Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said ukoll sostna li Joseph Muscat ma kienx korrett u kkonferma li l-eks Kabinett ħallas kollox lura skont dak li ntqal fl-istqarrija li kien ħareġ il-Gvern fis-6 ta’ Jannar tas-sena 2012.

Chris Said qal li dak li qal il-Prim Ministru fil-Parlament huwa biss attentat ta’ difiża għall-iffangar tad-Deputati tiegħu li qed jieklu minn bosta iħluq – uħud minnhom, saħansitra jitħallsu aktar minn Ministri u mill-Prim Ministru.

Dan jikkonferma li fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat inqabad, għal darb’oħra, jigdeb.