AĠĠORNATA (5)
Skont informazzjoni li kiseb MaltaRightNow.com jirriżulta il-Libjan involut fl-attakk b’sikkina f’Paceville għadu ma nqabadx mill-Pulizija. Infurmati ukoll li l-Pulizija għadha ma tafx il-kundizzjoni eżatta tal-Libjan l-ieħor li qala’ id-daqqiet ta’ sikkina.
AĠĠORNAMENT FIS-6:30AM
Libjan li kien involut fi ġlieda f’Paceville ilbieraħ filgħaxija għadu mfittex mill-Pulizija hekk kif sa kmieni dalgħodu hu kien għadu maħrub.
Dan il-Libjan kien parti minn grupp ta’ erbgħa li lbieraħ kienu involuti f’argument sħun, li fih intużat ukoll sikkina. Ir-raġel maħrub allegatament xejjer erba’ daqqiet ta’ sikkina fuq Libjan ieħor, b’dan tal-aħħar jispiċċa l-Isptar isofri minn feriti gravi.
MaltaRightNow.com hu nfurmat li l-vittma qala’ erba’ daqqiet ta’ sikkina, b’waħda minnhom tolqotlu idu l-leminija u oħra f’ġenbu.
AKTAR KMIENI
F’Paceville l-Erbgħa filgħaxija seħħ argument jaħraq bejn numru ta’ Libjani. Jirrizulta li f’dan l-argument indarab ukoll wieħed mill-persuni involuti, wara li dan qala’ daqqiet ta’ sikkina. Il-kaz ġie konfermat lilna minn aktar minn sors wieħed, u seħħ għall-ħabta tat-8:30pm.
Informazzjoni li waslitilna tgħid illi l-ġlieda kienet bejn il-Libjani infushom, u seħħet fiz-zona fejn hemm St. George’s Park fil-qalba ta’ Paceville.
Fil-post issejħet ukoll ambulanza u paramediċi li taw l-ewwel għajnuna. Il-Libjan qed jinzamm rikoverat l-Isptar Mater Dei.
Sal-22:45pm kienet għadha għaddeja tfittxija għall-aggressur li wettaq il-feriti fuq il-Libjan. Fost l-oħrajn, kienu qed isiru diversi rondi bil-karozzi tal-Pulizija tal-RIU.
It-tentattivi tagħna biex nagħmlu kuntatt bit-telefon mal-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fid-Depot (CMRU) kienu kollha għalxejn.
Ritratt minn Google Maps: Juri z-zona fejn zviluppa l-argument f’Paceville.
//= $special ?>


