Hemm ħtieġa kbira ta’ politika ġenwina li tkun għan-nies u li ħadd ma jaħrab mir-responsabbiltà politika. Politika għan-nies li fiha l-politiċi jżommu quddiem għajnejhom li qegħdin hemm biex iservu u mhux jisservew. Stqarr dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet li nediet il-Kunsill Ġenerali ta’ tmiem din il-ġimgħa, bit-tema “Politika Onesta”.
Chris Said qal li politika onesta teħtieġ istituzzjonijiet ħielsa u li jaħdmu sew. Madankollu, b’ċerti ħatriet li saru, dawn l-istituzzjonijiet tnawwru. Semma’ fost oħrajn l-awtonomija tal-Korp tal-Pulizija, il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li minkejja l-pariri il-Gvern qagħad jistenna u ħalla lill-Imħallef Lino Farrugia Sacco jirtira minflok jitneħħa, kif ukoll l-Ombudsman li qed isib xkiel mill-Gvern fil-qadi ta’ dmirijietu.
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN tenna l-impenn tal-Partit li bħalma kien hu li waqqaf u saħħaħ dawn l-istituzzjonijiet, daqstant ieħor se jaħdem biex l-indipendanza tagħhom tissaħħaħ. Fuq kollox, sostna Chris Said, politika onesta tippretendi li l-politiċi jgħidu l-verità u mhux il-gideb. Semma’ diversi eżempji ta’ sitwazzjonijiet fejn il-Ministri u d-Deputati tal-Gvern jigdbu b’mod sfaċċat. L-aktar eżempju ricenti jkun tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li fid-diskors tiegħu fil-Parlament allega li l-Assistenti Parlamentari tħallsu €2 miljun bejniethom fi tliet snin, minkejja li r-realtà hi ferm differenti.
Min-naħa tagħha, il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Paula Mifsud Bonnici fissret li dan hu Kunsill Ġenerali politiku li jsegwi l-Kunsill Ġenerali amministrattiv tal-ġimgħat li għaddew. Irrimarkat li fl-aħħar jiem, kemm fil-preżentazzjoni tal-Baġit kif ukoll fil-każi riċenti li nvolvew diversi Ministri tal-Gvern Laburista, ħarġet id-differenzi bejn iż-żewġ partiti. Filwaqt li l-Gvern Laburista qed ikun espert tal-gideb, il-PN qed ifittex politika tal-onestà.
//= $special ?>