Internazzjonali Kurżitajiet Mużika

Id-drummer tal-AC/DC jitressaq il-qorti

Id-drummer Awstraljan tal-grupp popolari AC/DC, Phil Rudd, tressaq quddiem qorti fi New Zealand fuq akkużi li hedded li joqtol persuna u dwar pussess ta’ droga.
L-imħallef fil-qorti fil-belt ta’ Tauranga ħareġ mandat ta’ arrest għal Rudd, li għandu 60 sena, wara li naqas milli jidher il-qorti fil-ħin.
Il-mandat ġie rtirat meta daħal fl-awla ftit minuti wara.
Rudd la wieġeb li hu ħati u lanqas li mhux ħati tal-akkużi, filwaqt li ħareġ fuq pleġġ sat-2 ta’ Diċembru.

L-imħallef ħareġ mandat ta’ arrest għal Rudd wara li naqas milli jidher il-qorti fil-ħin

Akkuża li kienet saret kontrih dwar attentat biex jirranġa biex isir qtil, waqgħet kmieni dan ix-xahar.
Fil-qorti, Phil Rudd qagħad jiżżuffjetta, jegħmeż lill-ġurnalisti u jħabbat fuq il-bank tal-akkużati.
Hekk kif ħareġ mill-awla, Phil Rudd qabeż fuq dahar il-gwardja tas-sigurtà tiegħu u twassal lejn l-isports car tiegħu.
L-avukat ta’ Phil Rudd, Paul Mabey, qal li l-klijent tiegħu se jkun qed jiċħad l-akkuża li hedded biex joqtol u ddeskriva l-akkuża dwar id-drogi bħala waħda “frivola”.