Lokali Parlament

Il-baġit tal-MTA baqa’ l-istess

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar staqsa x’inhi r-raġuni li l-baġit tal-Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu (MTA) baqa’ l-istess, u rrimarka wkoll li bħalissa hemm sejħiet għal proċeduri f’karigi għolja li huma ġodda fl-Awtorità u li l-Oppożizzjoni se tkun qed issegwi biex il-proċess ikun ġust.

Meta tkellem dwar is-settur tat-turiżmu, Robert Cutajar staqsa għaliex hemm dawn il-posts ġodda meta hemm postijiet oħrajn li ilhom vojta sena u nofs.

Esprima d-diżappunt kif il-Gvern qed jinjora l-proġett tal-Unjoni Ewropea bl-isem, Eden Destination of Excellence, li jirrikonoxxi d-destinazzjonijiet ta’ eċċellenza fl-Unjoni Ewropea, tant hu hekk li l-2013 il-Gvern naqas li jinnomina lokalità minn Malta.

Filwaqt li appella li fl-Air Malta l-Gvern iħalli l-istabbbilità tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru, irrifera wkoll għat-turiżmu sportiv, u kif il-Baġit isemmi biss l-isport tal-ibburdjar, li hu l-aktar sport li qed jaqla’ fuq rasu f’pajjiżna.

Semma l-problemi li qed jiffaċċja l-klabb tal-ibburdjar f’Birżebbuġa minħabba l-pjan għall-ħażna tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk.

Semma wkoll il-klabb tal-ibburdjar tal-Vikings, li għadhom bla post fejn jiltaqgħu biex jipprattikaw l-isport tal-ibburdjar u li qed jintlaqtu ħażin għexieren ta’ familji Maltin. Appella lill-Gvern biex ma jabbandunax dan l-isport lokali.

Ikkritika wkoll li l-Gvern mhux qed jagħmel l-investiment meħtieġ fl-Istitut għall-Istudji Studji Turistiċi, minkejja li l-kliem hu ħafna, iżda fatti xejn.

Appella biex il-Gvern ma juzax lill-MTA u entitajiet oħrajn biex ikunu aġevolati nies partikolari u saħaq li d-deċiżjonijiet għandhom isiru fl-interess tal-industrija u mhux skont il-wegħdi ta’ promozzjonijiet ta’ qabel l-elezzjoni.