Lokali

Il-fatt li x-xufier ta’ Manwel Mallia ġie arrestat ġimgħa wara l-isparatura, diġà hu skandlu minnu nnifsu – Chris Said

Il-fatt li għaddiet ġimgħa mill-każ tal-isparatura fil-Gżira qabel ma x-xufier tal-Ministru Manwel Mallia Paul Sheehan ġie arrestat, diġà hu skandaluż minnu nnifsu u materja ta’ riżenja u responsabbiltà politika fiha nnifisha. Dan sostnieh is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ngħataw dettalji dwar il-Kunsill Ġenerali bit-tema “Politika Onesta”.

Fl-aħħar jiem, feġġew diversi rapporti f’mezzi tax-xandir li qed jimplikaw l-involviment ta’ Uffiċjal Għoli fil-Ministeru ta’ Manwel Mallia dwar kif mexa l-Ministeru fis-sigħat wara l-inċident. Mistoqsi jekk bir-riżenja ta’ Uffiċjal Għoli tal-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali tkunx intrefgħet ir-responsabbiltà politika, Chris Said wieġeb li r-responsabbiltà politika ma tintrefax minn impjegat tal-Ministeru jew membru tas-Segretarjat Privat, iżda mill-politiku.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal li wieħed għandu jistaqsi min se jerfa’ r-responsabbiltà tal-istqarrija maħruġa mill-Ministeru u li għattiet il-fatti meta diġà kien magħruf min spara u lejn liema direzzjoni kienu sparati t-tiri. Wieħed għandu jistaqsi wkoll min ta l-ordni biex il-karozza titgħabba fuq low-loader u titneħħa qabel l-Inkjesta tal-Maġistrat.

Chris Said sostna li l-Imħallfin imqabbdin biex imexxu l-Inkjesta żgur mhux se jiddeċiedu dwar min għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għal dak li ġara. Dik il-persuna hi biss il-Prim Ministru Joseph Muscat, li iżda jidher li hu ostaġġ tal-Ministru Manwel Mallia, temm jgħid Chris Said.