Lokali

Il-Gvern isejjaħ lura Pulizija tal-SMU

Fl-aħħar ġimgħat iddaħħal lura fil-Korp tal-Pulizija dak li fi żmien Gvern Soċjalista tas-Snin Tmenin kien PC1000 – Mario Farrugia.

Farrugia iddaħħal lura fil-Korp minn dan il-Gvern wara li fl-aħħar xhur beda eżerċizju biex jiġu re-instated Pulizija li kienu irtiraw bil-25 sena servizz. Issa dan il-Pulizija sab ruħu jerġa’ jilbes l-uniformi “sewda kollha”, din id-darba tal-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit (RIU).

Mario Farrugia kien fl-iSpecial Mobile Unit (SMU) fi żmien l-agħar ħruxijiet kontra partitarji Nazzjonalisti. Fil-fatt, uffiċjali irtirati tal-Pulizija qalulna li “dan l-uffiċjal kien wieħed mill-aktar ħorox fl-attitudni tiegħu meta hu kien fl-SMU”.

Illum, meta l-Korp tal-Pulizija jinsab f’idejn il-Ministru Manwel Mallia u l-Aġent Kummissarju Ray Zammit, Farrugia reġa’ iddaħħal fil-Korp mal-RIU. Ironikament, kien issa wkoll li l-uniformi tal-RIU inbidlet biex ġiet kollha sewda, filwaqt illi l-SAG ġiet żarmata mill-eks Kummissarju Peter Paul Zammit.

Wieħed irid ifakkar ukoll li l-SAG kienet twaqqfet minn Gvern Nazzjonalista fl-1987 biex tieħu post l-SMU, li kellha tebgħa kbira fuqha wara snin ta’ azzjonijiet xejn feliċi.

L-SMU kienet inħolqot mill-eks Supredentent tal-Pulizija Charles Cassar wara l-elezzjoni ġenerali tal-1981. Din l-iskwadra, li għall-bidu kienet tissejjaħ Skwadra Kontra Attakki Terroristiċi, kienet taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-ispettur Cassar u direttament taħt il-Kummissarju ta’ dak iż-żmien Lawrence Pullicino.

L-SMU ma kienet twieġeb lejn l-ebda uffiċjal ieħor, filwaqt li ħafna uffiċjali għolja tal-Pulizija lanqas kienu jafu min huma l-membri ta’ din l-iskwadra. Kien biss wara l-bidla fil-Gvern li bdew joħorġu ċertu dettalji u ismijiet li sal-1987 kienu miżmumin mistura.

L-ewwel darba li l-iskwadra dehret fil-pubbliku kien f’mass meeting Nazzjonalista f’Ħaż Żebbuġ.