Il-pjan ta’ ristrutturar kien on track sa sena ilu
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis filwaqt li sejjaħ id-diskors tal-eks-Ministru li kien responsabbli mill-Air Malta, Tonio Fenech, bħala diskors pożittiv, ma weġibx għall-appell tal-istess Deputat Nazzjonalista biex il-Gvern jiftaħ il-bibien ukoll għall-Oppożizzjoni dwar il-qagħda sensittiva tal-Air Malta, bħalma kien għamel Gvern Nazzjonalista meta beda l-programm ta’ ristrutturar fl-Air Malta.
Meta għalaq id-dibattitu dwar it-turiżmu u dwar il-baġit ivvutat għas-sena d-dieħla għal dan is-settur, il-Ministru Zammit Lewis wieġeb u spjega għal diversi mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni, iżda naqas li jagħti tweġiba għall-appell li għamel id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech biex il-Gvern jiftaħ il-bibien ukoll għall-Oppożizzjoni fil-proċess ta’ ristrutturar tal-linja nazzjonali tal-ajru. U dan minkejja li l-Ministru ngħata aktar minn 10 minuti żejda allokati lilu biex jitkellem dwar dan is-settur li jinkludi wkoll il-linja nazzjonali tal-ajru.
L-appell ta d-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech lill-Gvern sar mid-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech fil-Parlament fid-dawl tal-fatt li t-telf tal-Air Malta żdied meta mqabbel mal-ispejjeż operattivi, kif ukoll fil-kuntest ukoll li bħal dan iż-żmien sena, iċ-Chairman tal-Air Malta maħtur minn dan il-Gvern, Ray Fenech li wkoll irriżenja, kien iddikjara li l-pjan ta’ ristrutturar hu on track.
Tonio Fenech enfasizza li meta kien responsabbli mill-Air Malta u mill-programm ta’ ristrutturar, il-Gvern kien stieden lill-Oppożizzjoni fil-Palazz tal-President flimkien mal-President u l-Kap tal-Oppożizzjoni u persuni oħra f’kuntatt mat-turiżmu, biex jitkellmu dwar ir-realtà tal-kumpanija nazzjonali u l-proċess importanti ta’ ristrutturar b’mod li jkun hemm kunsensus nazzjonali mingħajr ma l-proċess ikun ballun politiku.
L-Oppożizzjoni kienet qablet li tpoġġi lil Marie Louise Colero u lil Louis Grech fuq Kumitat apposta biex dan l-eżerċizzju jkun pjan fit-tul għal ħames snin u li jista’ jitkompla wkoll minn kull gvern ieħor. Fil-kumitat kien hemm ukoll l-imsieħba soċjali, inkluż il-unions. Il-pjan li kien tħejja minn dan il-Kumitat kien intlaqa’ wkoll mill-UE.
Dwar il-kritika li ssir dwar l-impjieg ta’ Peter Davies, Tonio Fenech qal li d-deċiżjoni kienet importanti għaliex kienet persuna b’esperjenza bħala Kap Eżekuttiva u li kienet diġà għaddiet minn proċessi ta’ ristrutturar b’suċċess.
Fisser kif l-UE kienet qed tinsisti fuq management tim li kien kapaċi jwettaq dan ir-risitrutturar u dak iż-żmien f’pajjiżna ma kienx hawn Malti li kellu esperjenzi ta’ Kap Eżekuttiv li mexxa proċessi simili. Ebda persuna (barrani) fis-suq ma kien se jirriskja kuntratt ta’ tliet snin biex jieħu 100,000 fis-sena meta f’kumpaniji oħrajn ikun diġà qed jieħu aktar. Peter Davies żamm f’Malta l-ħlas li kellu fejn kien, ta’ €450,000, meta ħadd ieħor talab €700,000 u €1 miljun.
Ir-realtà kienet li ma kienx hemm għażla, u spjega li kieku ma sarx dan, kieku llum ma kienx ikollna programm ta’ ristrutturar u lanqas ma kien ikollna llum kumpanija nazzjonali tal-ajru.
Ir-riżultati, qal Tonio Fenech, kienu on track sa meta kien fit-tmexxija tal-Air Malta Ray Fenech, bħala Chairman appuntat mill-eks-Ministru Karmenu Vella. Fisser li dawn huma wkoll riżultati ta’ Peter Davies. Dakinhar kienu wkoll għaddejjin id-diskussonijiet biex Peter Davies jibqa’ jmexxi dan il-pjan, bil-Prim Ministru jgħid li mhux se jbiddel il-management biex jekk ifalli l-pjan iwaħħal fit-tim ta’ management ta’ qabel.
L-Oppożizzjoni mhix qed tfixkel iżda hi preokkupati dwar dak li qed jiġri fl-Air Malta. Filwaqt li l-Gvern mhux qed jinvolvi lill-Oppożizzjoni, l-Oppożizzjoni ma tistax issa tafda fl-għama dak li qed jiġri, u hu għalhekk li hi preokkupata quddiem dak li qed jiġri u l-mod kif qed isiru l-ħatriet.
Illum, qal Tonio Fenech, it-telf tal-Air Malta żdied meta mqabbel mal-ispejjeż operattivi.
Appella lill-Gvern jiftaħ il-bieb lill-Oppożizzjoni li mhix qed ittellef iżda għandha ħafna domandi quddiem issues senittivi.
“Jekk tridu lill-Oppożizzjoni tkun mal-Gvern iftħu l-bieb”, appella lill-Gvern id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech.
Dwar l-Air Malta, Zammit Lewis tkellem dwar kif skont hu, it-tim li llum qiegħed imexxi l-linja tal-ajru qiegħed jagħti riżultati ħafna aħjar minn dak li kien hemm fl-amministrazzjoni preċedenti, bi kritika qawwija lejn l-eks-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, Peter Davies. Fisser li ċ-Chairperson preżenti tiswa tliet darbiet aktar minn Peter Davies.
//= $special ?>