Manchester City wettqu rimonta inkredibbli biex għelbu lil Bayern Munich 3-2 fl-Etihad Stadium, bl-attakkant Arġentin, Sergio Aguero, jiskorja ħat-trick f’din ir-rebħa li żżomm ħajjin it-tamiet tas-Citizens li jikkwalifikaw minn grupp E.
Fl-istess grupp, Roma setgħu jiksbu biss draw, fir-Russja, ma’ CSKA Moscow, biż-żewġ klabbs u Man City jinsabu kollha fuq ħames punti fi dwell interessanti għal min se jkun it-tieni tim li jikkwalifika flimkien ma’ Bayern ( ir-rebbieħa tal-grupp).
Chelsea aċċertaw mir-rebħ ta’ Grupp Ġ b’xalata ta’ gowls kontra Schalke 04 waqt li kompliet it-taqtigħa bejn Paris St Germain u Barcelona għar-rebħ ta’ Grupp F meta ż-żewġ tims huma diġa kwalifikati.
Intant, l-attakkant ta’ Barcelona, Leo Messi, waqqaf rekord ġdid b’hat-trick fir-rebħa 4-0 fuq APOEL Nicosia. Dan ifisser li l-Arġentin, issa, skorja 74 gowl personali fiċ-Champions League u fejn sab ix-xibka għal 35 darba fl-aħħar 31 logħba tiegħu f’din il-kompetizzjoni – dejjem bil-blokk tal-Katalani
GRUPP E
Manchester City għelbu lil Bayern Munich 3-2 fl-Etihad Stadium bil-Ġermaniżi jkunu diġa kwalifikati. Ic-Citizens bilfors riedu rebħa u fl-20 minuta kisbu penalty meta Medhi Benatia waqqa’ lil Sergio Aguero fil-kaxxa u intwera ħamra diretta. L-istess AGUERO ma żbaljax mill-ħdax il-metru għal 1-0, iżda dan ma qatax qalb Bayern, li minkejja li kienu qed jilgħabu b’għaxra, dawwru r-riżultat qabel il-mistrieħ permezz ta’ freekick minn Xabi ALONSO u d-daqqa ta’ ras perfetta ta’ Robert LEWANDOWSKI.
Bayern ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima iżda minkejja li adattaw logħba ta’ pussess reġa’ kien Aguero li, b’opportuniżmu, għeleb lil Manuel Neuer għat-tieni darba għat-2-2. City baqgħu jemmnu u Aguero għaqqad il-hat-trick fil-ħin miżjud meta approfitta mill-iżball ta’ Juan Bernat
Roma sofrew doċċa kiesħa fid-draw, 1-1, ma’ CSKA Moscow fejn raw rebħa prezzjuża tisfuma fl-aħħar sekondi. Hawnhekk, il-gowlkiper tal-Giallorossi, Morgan De Sanctis, kien kompliċi fil-gowl tad-draw ta’ CSKA meta, fit-93 minuta, wera indeċiżjoni kbira fuq il-cross-shot ta’ Vassili BEREZOUTSKI li spiċċa fir-rokna tax-xibka.
Il-logħba f’Moska mill-ġdid intlagħbet quddiem stadium vojt minħabba s-sanzjonijiet imposti mill-UEFA fuq il-klabb Russu, bl-ewwel taqsima ftit tipproduċi azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti. Madankollu Roma żblukkaw ir-riżultat eżatt qabel il-mistrieħ, meta Francesco TOTTI ħalla lill-gowlkiper ta’ CSKA, Akinfeev, iħares bi ġmiel ta’ freekick. It-tieni taqsima kienet kollha ta’ marka Russa, b’Roma jiddefendu u b’CSKA imorru viċin minn Alan Dzagoev li ma kkonkludiex mill-viċin. Iżda fil-ħin miżjud waslet l-azzjoni li pproduċiet il-gowl ta’ Berezoutski li jżomm ħajjin it-tamiet ta’ CSKA.
GRUPP F
Paris St Germain, il-liders tal-grupp, żammew il-punt vantaġġ fuq Barcelona meta. kisbu r-raba’ rebħa, 3-1 għall-ispejjeż ta’ Ajax Amsterdam.
Il-Pariġini fetħu l-iskor minn Edison CAVANI iżda fit-tieni taqsima Ajax kisbu d-draw minn KLAASSEN. PSG, imbagħad skurjaw darbtejn f’ħames minuti minn Zlatan IBRAHIMOVIC u mill-ġdid, Cavani, li issa sar l-aktar attakkant Urugwen prolifiku fiċ-Champions League b’14 il-gowl fil-karriera tiegħu
Barcelona ma sabuhiex diffiċli biex jegħlbu lil APOEL Nicosia, 4-0 b’Luis SUAREZ jiskorja l-ewwel gowl tiegħu mal-klabb u għall-vantaġġ tal-Katalani wara 17 il-minuti. Imbagħad wasal il-mument maġiku għal MESSI li reġa’ sab ix-xibka b’xutt minn tarf il-kaxxa, bl-Arġentin jirdoppja fit-tieni taqsima. Il-hat-trick kien fl-ajru u Messi ma ddiżappuntax b’xutt fir-rokna tax-xibka wara li rċieva mingħand Pedro.
GRUPP Ġ
Chelsea għelbu lil Schalke 5-0 f’Gelsenkirchen għal rebħa netta li taċċertahom minn kwalifikazzjoni bħala rebbieħa ta’ Grupp Ġ. Ir-riżultat hu anki trijonf personali għall-captain tal-Blues, John Terry, li lbieraħ reġa’ sab ix-xibka u sar biss ir-raba’ difensur li skorja għaxar gowls jew aktar fiċ-Champions League.
Chelsea ma setax kellhom bidu aħjar b’TERRY jogħla għall-assist ta’ Cesc Fabregas u jiskorja bir-ras wara żewġ minuti. Schalke wettqu reazzjoni, iżda kienu Chelsea li sabu x-xibka darbtejn oħra qabel il-mistrieħ minn WILLIAN u b’awtogol ta’ Jan Kirchhoff.
Fit-tieni taqsima, Chelsea komplew jiddominaw u żiedu aktar gowls minn Didier DROGBA u RAMIRES.
*** Sporting Lisbon kisbu r-rebħa li kellhom bżonn kontra s-Sloveni ta’ NK Maribor u issa huma favoriti li javvanzaw minn dan il-grupp għall-ispejjeż ta’ Schalke. Il-Portugiżi fetħu vantaġġ doppju minn Carlos CARDOSO MANE’ u NANI, b’Maribor inaqqsu d-distakk b’awtogol ta’ Nascimento. It-tieni taqsima damet ma bdiet minħabba problema fis-sistema tad-dawl iżda Sporting serrħu rashom mir-riżultat b’gowl ieħor ta’ Islam SLIMANI u għat-3-1 finali
GRUPP H
L-attakkant Messikan Hector HERRERA kien l-eroj ta’ Porto li għelbu lil BATE Borisov, 3-0, fil-Belarus. Din kienet ir-raba’ telfa ta’ BATE fi Grupp H u issa hu matematikament impossibbli għalihom li jikkwalifikaw, kuntrarju għall-Portugiżi, li huma liders ta’ Grupp H, u li kienu diġa bbukkjaw posthom mal-aħħar sittax.
Porto iddominaw għal ħafna ħinijiet minkejja l-friża, bil-gowls jaslu kollha fit-tieni taqsima. Herrera fetaħ l-iskor b’xutt mill-bogħod u bil-Messikan anki jkun involut fiż-żewġ gowls l-oħra skurjati minn Jackson MARTINEZ u Cristian TELLO.
Shakhtar Donetsk, li wkoll ikkwalifikaw, tilfu f’darhom b’sorpriża kontra Athletic Bilbao, b’Mikel SAN JOSE jiskorja l-uniku gowl fit-68 minuta għall-ewwel rebħa tal-Baski f’dan il-grupp.