Ewropa Internazzjonali Unjoni Ewropea

Juncker jiżvela l-pjani biex iqajjem l-ekonomija tal-EU

Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea ħabbar dettalji dwar pjan ta’ investiment ta’ €315-il biljun sabiex l-ekonomija Ewropea “titla’ fuq saqajha” u tissaħħaħ.
F’nofs l-aġenda tiegħu għal ħames snin hemm fond ta’ €21 biljun, li se jintuża bħala “inċentiv tal-bidu”, sabiex iħajjar investituri privati ħalli jikkontribwixxu ħafna mill-kumplament.
Madwar €8 biljun biss tal-flus oriġinali se jiġu mill-baġit tal-Unjoni Ewropea nnifsu.
Il-proġett se jkun qed ineħħi l-piż minn fuq il-gvernijiet nazzjonali, li diġà qed jiffaċċjaw djun kbar wara l-kriżi finanzjarja.
“L-Ewropa teħtieġ imbottatura u l-Kummissjoni qed tipprovdi l-għajnuna,” qal Juncker lill-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Jean-Claude Juncker qal li l-Ewropa kellha tħabbat wiċċha mal-“isfida ta’ ġenerazzjoni”, u ddeskriva l-pjan bħala l-akbar sforz fl-istorja reċenti tal-Unjoni Ewropea sabiex iżżid l-investiment mingħajr ma tibdel il-liġijiet.
Il-Kummissjoni temmen li hi tista’ toħloq sa 1.3 miljun impjieg b’investiment fil-broadband, f’qafas tal-enerġija u fl-infrastruttura tat-trasport kif ukoll fl-edukazzjoni u r-riċerka.