B’45 kelma ddedikati fil-bagit għat-turiżmu u b’90 kelma dwar l-Air Malta, id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo qal li hu diffiċli li ssir kritika dwar dawn l-oqsma importanti, u rrimarka li ma’ dan il-Gvern trid dejjem taqra x’mhux qed jingħad.
Irrifera għaż-żieda ta’ 15% fuq is-swimming pools u talab lill-Gvern jispjega għal min tapplika din iż-żieda fit-taxxa u jekk kinitx approvata mill-MHRA u l-GTA.
Dwar il-proġett Malta, m’hemmx ideat ċari dwar proġetti ġodda u wara sentejn, kollox mitluq għal ruħu. Spjega li l-miljun ewro lill-kunsilli lokali, ifisser li lanqas ma se jkun hemm ewro għal kull turist li jiġi Malta. B’riferenza għas-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku, Robert Arrigo qal li dan ukoll jolqot lit-turisti, u fakkar li dan il-Gvern qal li kien jaf kif se jirranġa.
Dwar in-negozji ż-żgħar li fit-turiżmu hemm ħafna minnhom, Robert Arrigo qal li se jkunu mġiegħla jirreġistraw għall-VAT u magħhom jiġu wkoll il-multi. Dwar iż-żidiet li kien hemm fit-taxxi, dan se jolqot ukoll lill-industrija tat-turiżmu.
Irrifera wkoll għar-riżenji fl-Istitut dwar l-Istudji Turistiċi (ITS), saħansitra anke taċ-Chairman, u staqsa jekk kienx hemm interviews għal dawn il-postijiet vakati. Irrimarka li hemm rapporti fejn l-istudenti joqogħdu bilwieqfa waqt il-lezzjonijiet u li xi lezzjonijet mhux isiru fil-bini tal-ITS. Mhux il-lectures kollha qed isiru b’timetable, lectures imħarbta u lecturers mhux dejjem jgħallmu s-suġġetti tagħhom. Appella biex il-Gvern ma jħallix lill-ITS jaqa’, u biex jagħti wkoll importanza lil front liners tal-industrija, b’korsijiet anke speċifiċi immedjatament.
Wissa li swieq bħalma huma ċ-Ċina, il-Brażil u l-Indja hemm spejjeż kbar biex pajjiżna jidħol fihom, u appella biex inżommu b’saħħithom swieq importanti bħalma hu l-Ġermanja fejn kapaċi nkabbru s-suċċess l-aktar fl-istaġun tax-xitwa. Staqsa jekk l-Air China hix se tibda xi titjiriet lejn Malta.
L-Oppożizzjoni mhix kuntenta li l-bagit tal-MTA mhux se jiżdied, u appella li jekk se ddaħħal swieq kbar, dawn se jkunu ta’ piż.
Dwar l-Air Malta, Robert Arrigo semma l-part-timers tal-Air Malta li spiċċaw, għażlu minflokom lil ħaddieħor. Irrimarka li t-tfal ta’ ċertu nies baqgħu hemm, bil-GWU kienet hi stess li tagħżel lin-nies fl-Air Malta. Fost il-part-timers li ddaħħlu kien hemm min hu impjegat f’Ministeri.
Staqsa fejn sejra l-Air Malta, jekk hix se tinbiegħ kollha jew xi parti minnha, u jekk hix se tispiċċa l-cargo handling u jekk il-ground services ukoll hux se jinħallu mill-Air Malta.
Mandat elettorali m’għandux il-Gvern biex ibiegħ lill-Air Malta, saħaq Robert Arrigo, u għalhekk hu dritt tal-Oppożizzjoni li tistaqsi u tiskrutinja lill-Gvern.
//= $special ?>