Jippunta subajgħ lejn id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u jgħid li ma jimpurtahx x’jemmen id-Deputat Nazzjonalista
Il-Ministru Manwel Mallia ma qalx fil-Parlament min kiteb u ħareġ l-istqarrija dwar l-isparatura mix-xufier tiegħu fl-inċident gravi u serju li seħħ il-ġimgħa li għaddiet, u f’mument minnhom ippunta b’subajgħ lejn id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u b’vuċi għolja qal li ħadd mhu se jtelliflu l-kredibbiltà tiegħu u li ma jinteressahx x’jemmen id-Deputat Jason Azzopardi.
Din ir-reazzjoni tal-Ministru Manwel Mallia responsabbli mill-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, saret waqt li dalgħodu kien qiegħed iwieġeb għal diversi mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Il-Ministru Mallia kien mitlub l-ewwel jispjega kif ir-Rapid Intervention Unit tat l-ordni li rċevew minn fuq, biex il-karozza li ntlaqtet b’tiri sparati mix-xufier tal-istess Ministru Mallia fl-inċident tal-ġimgħa li għaddiet, tittella’ fuq il-low loader u tiċċaqlaq biex tittieħed minn fuq il-post tal-inċident.
Il-Ministru Mallia qal kien sema’ li hemm mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni dwar dan l-inċident, u li kienet ukoll għaddejja l-inkjesta dwar dan, u li dawn l-ispjegazzjonijiet jingħataw fil-ħin opportun.
Il-Ministru Mallia kien ikkoreġut mis-Sedja, bl-Aġent Speaker Ċensu Galea, jinfurmah li kien hemm biss dikjarazzjoni li se titressaq mozzjoni dwar dan, u ma kienet għadha tressqet ebda mozzjoni.
Jason Azzopardi staqsa jekk il-Ministru jafx b’ruling tal-Ispeaker fejn għamilha ċara li l-Parlament hu suprem, anke f’każi ta’ kawżi fil-Qrati; filwaqt li staqsa għaliex ma jridx jagħti l-informazzjoni dwar dan. Il-Ministru Mallia qal li jaf b’ruling ukoll li r-risposta tal-mistoqsija hi f’idejn min jagħti r-risposta.
Jason Azzopardi staqsa wkoll jistax il-Ministru jgħid min kiteb l-istqarrija dwar l-inċident li kien fih involut ix-xufier tiegħu, u li ħarġet mid-DOI, la skont l-istess Ministru ma kitibhiex hu u lanqas ikkordinaha hu; u li lanqas ma nħarġet mill-Uffiċjal responsabbli mill-Komunikazzjoni fil-Ministeru minħabba li din kienet qed tippreżenta programm fuq it-televiżjoni.
Il-Ministru Mallia qal li dak li jista’ jgħid hu li la ra l-istqarrija u lanqas kien jaf il-kontenut tagħha, filwaqt li baqa’ ma tax informazzjoni dwar min kien responsabbli minn dik l-istqarrija li ħarġet dakinhar stess tal-inċident tard filgħaxija.
//= $special ?>