F’diskors li għamlet fil-Parlament Ewropew, il-Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta Roberta Metsola kkundannat lill-Gvern talli naqas milli jittrasponi Direttiva tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal.
Malta bħalissa qiegħda tiffaċċja proċeduri ta’ ksur talli naqset milli ddaħħal il-leġislazzjoni fiż-żmien stipulat.
“Hija tal-mistħija li dan il-Gvern naqas milli jittrasponi leġislazzjoni Ewropea tant fundamentali li l-uniku għan tagħha huwa li tipproteġi lit-tfal mill-abbuż,” saħqet Roberta Metsola.
Hija kienet qiegħda titkellem bħala waħda mill-Membri tal-Parlament Ewropew li nstigat riżoluzzjoni konġunta fuq id-Drittijiet tat-Tfal fil-Parlament Ewropew, 25 sena wara li ġiet iffirmata l- Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal fi New York.
Fid-diskors tagħha fil-Parlament Ewropew, Metsola qalet li għalkemm il-“Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ġiet ratifikata minn 194 Stat, inklużi l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, xorta għandna ħafna sfidi li rridu niffaċċjaw għaliex id-drittijiet tat-tfal qed ikomplu jinkisru f’ħafna partijiet tad-dinja, inkluż f’pajjiżi tal-UE.
Waqt l-istess dibattitu tkellmet ukoll il-MPE Therese Comodini Cachia, li qalet li “t-tfal huma il-futur u l-preżent tagħna – individwi li għandhom dinjità inerenti. L-investiment fit-tfal ifisser investiment f’infrastruttura li tassikura l-iżvilupp intelletwali, psikoloġiku u emozzjonali. Dan jirrikjedi politika u strateġija komprensiva. L-investimtent f’infrastruttura soċjali għandu jiżgura sistema ta’ twissija bikrija fl-Ewropa li tidentifika lit-tfal li jinsabu f’riskju ta’ ħsara, u tipprovdilhom is-servizzi neċessarji.”
Filwaqt li ngħaqdet mal-MPE Metsola fis-sejħa għad-dħul tal-istrumenti leġislattivi kollha li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, Therese Comodini Cachia sejħet ukoll għall-ingaġġ tal-partijiet rilevanti kollha, inkluż uffiċjali tal-assistenza soċjali, il-pulizija, leġiżlaturi, membri tal-ġudikatura, u edukaturi, biex jaħdmu fuq viżjoni li fiha t-tfal huma individwi bi drittijiet, anki fil-parteċipazzjoni tagħhom fil-familja.
F’xi Stati Membri din tirrikjedi bidliet leġislattivi u soċjali, u l-UE għandha tibqa’ il-promotur prinċipali biex isseħħu dawn il-bidliet.
L-għan ewlieni tar-riżoluzzjoni huwa li tindirizza dawn il-kwistjonijiet u titlob lill- Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta Strateġija għad-Drittijiet tat-Tfal, inkluż Pjan ta’ Azzjoni konkret għall-ħames snin li ġejjin.
//= $special ?>