Filwaqt li l-Oppożizzjoni tirrikonoxxi li s-suċċess fit-turiżmu baqa’ jiġi reġisitrat sena wara oħra, din is-sena kien hemm tnaqqis mill-Ġermanja, mir-Russja u aktar inkwetanti minn Spanja.
Meta tkellmet fil-Parlament dwar il-baġit tat-turiżmu għas-sena d-dieħla, id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet li bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, pajjiżna ra tnaqqis ta’ 5,000 turist mill-Ġermanja, 2000 turist mir-Russja, u kważi 11,000 turist anqas minn Spanja.
Fuq medda ta’ sentejn, it-tnaqqis minn Spanja hu ta’ kważi 20,000 turist. Staqsiet jekk il-Gvern hux qiegħed jagħmel xi ħaga biex ikun kontrollat dan it-tnaqqis jew jekk hux tal-fehma li m’għandux isir attentat biex dan is-suq jerġa’ jibda’ jikber.
Staqsiet ukoll x’qiegħed isir biex ikompli jikber it-turiżmu mill-Iżrael u mill-Polonja; u x’qiegħed isir biex nattiraw swieq oħra ġodda sabiex inkomplu nifirxu x-xibka tat-turiżmu. Appellat lill-Gvern ikompli jiddiversifika u jippenetra swieq ġodda.
Fid-dawl tas-swieq li l-Gvern qieħed iħares lejhom, bħaċ-Ċina u l-Istati Uniti, staqsiet jekk hux se nnaqqsu minn naħa, biex nippruvaw nakkwistaw xi ħaġa minn naħa oħra.
Dwar l-Air Malta appellat lill-kumpanija timxi ‘l quddiem b’inqas u mhux iżjed indħil politiku.
Dwar il-Public Private Partnerships għal tkabbir ta’ bajjiet, fissret li meta nitkellmu fuq il-bajjiet u l-kosta rridu nimxu b’kawtela u sensittività ambjentali, u dan japplika wkoll għall-pjani tal-Gvern għal-land reclamation.
Appellat ukoll lill-Gvern ikun aktar speċifiku fuq tal-public private partnerships u jghid x’obbligi se jkun hemm kemm ghall-gvern kif ukoll għall-privat f’dawn l-arranġamenti, u jekk hux se jsiru sejħiet u kif u meta ser jinħarġu dawn l-offerti u kif se jiġi assigurat ll-aċċess għall-pubbliku għall-kosta.
Dwar il-proposta li jitħallew casinos joperaw fil-baħar territorjali ta’ pajjiżna fil-cruiseliners, proposta li kienet twieldet taħt Gvern Nazzjonalista, fakkret li r-regolamenti kienu tlestew taħt gvern preċedenti, u staqsiet jekk hemmx il-ħsieb li jsir investiment addizzjonali, partikularment investiment fl-attivitajiet kulturali, biex jikkumplimenta dan il-pass, bħalma hu l-eżempju tal-overnight cruises f’San Pietruburgu, fir-Russja.
Appellat ukoll biex titjieb ix-shopping experience tat-turist li taf tgħin ukoll lill-ekonomija. Dan anke fid-dawl tal-istatistika li bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena kellna tnaqqis ta’ 1.1% fin-nefqa per capita tat-turisti; u tnaqqis ta’ 0.2% fir-rata medja ta’ ġranet per capita li t-turisti jqattgħu f’pajjiżna.
Irriferiet ukoll għall-Istitut għall-Istudju Turistici u fissret kif hemm bżonn insaħħu t-taħriġ u t-tagħlim li jingħata b’mod speċjalizzat lil dawk li jistudjaw f’din l-istituzzjoni importanti u staqsiet kif ma sar ebda ċaqliqa fil-baġit tal-ITS.
Staqsiet ukoll dwar liema huma l-proġetti li se jkun qed jaħdem fuqhom il-Gvern bil-fondi tal-Unjoni Ewropea, u x’qed jipprooni l-Gvern għall-Grant Scheme for Tourism Enterprises.