Għall-Milied ta’ din is-sena l-kor ‘Santa Ċeċilja’ ta’ Għawdex ser jerġa’ jtella’ t-tieni edizzjoni tal-kunċert festiv tal-Milied bit-tema ‘Venite Adoremus’. Kif tindika t-tema nnifisha l-kunċert idur madwar il-misteru tat-tre Re, meta tliet slaten, skont it-tradizzjoni bikrija nisranija, żaru lit-tarbija Ġesù u offrewlha deheb, inċens u mirra.
Matul din is-sena, mill-Milied 2013 sa dan iż-żmien il-kor tella’ żewġ kunċerti, f’Diċembru 2013 u f’April 2014 u għal kull serata kien hemm attendenza numeruża li mliet kull rokna tal-knisja ħelwa tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tar-Rabat Għawdex. Din is-sena l-kunċert ser jerġa’ jittella’ fl-istess knisja u se jkun nhar is-Sibt, 27 ta’ Diċembru 2014 fit-7:45pm.
Fost ir-repertorju mużikali ser nisimgħu għanjiet tal-Milied ta’ John Henry Hopkins, Stefano Melone, Greensleeves, John Stanley, Lewis Henry Redner, Howard Blake, Pietro Yon, siltiet b’adattament mużikali tradizzjonali u ma tonqosx il-kompożizzjoni brillanti, ħelwa u tal-widna ta’ Mro. Antoine Mercieca, li hu d-direttur mużikali tal-kor u fundatur iżda wkoll id-direttur artistiku ta’ dan il-kunċert.
Mal-kor ser jieħdu sehem is-soprani Rosabelle Pavia, Patricia Buttigieg, il-mezzo sopran Marthese Borg, it-tenuri George Mercieca u Mario Portelli li huma lkoll solisti stabbiliti u residenti tal-kor tagħna u l-baritonu Pio Dalli minn Malta. Il-kor ser ikun akkumpanjat minn strings quintet u Jason Camilleri bħala solista fuq it-trumpet, li flimkien mal-kor ser jagħtu din it-taħlita sħiħa ta’ għanjiet tal-Milied fuq arranġament mużikali tad-direttur artistiku tal-kunċert. Ser ikun hemm ukoll rokna letterarja fejn jinqraw tliet poeżiji marbuta mal-Milied.
Il-kunċert mistenni jibda b’medley tradizzjonali bis-sehem tal-istrings quintet, imbagħad il-kor jippreżenta r-repertorju mużikali tiegħu flimkien mal-quintet. Żgur u mhux forsi li fost il-ġeneri differenti f’dan ir-repertorju tas-sena ser jispikkaw iż-żewġ kompożizzjonijiet ta’ Mro. Antoine Mercieca, il-‘Capriccio Pastorale’ għal trumpet solo u strings quintet u ‘Medley by Carols’ għal kor, solisti u strings quintet. Il-kunċert ser ikollu l-preżentazzjoni tas-sur Joe Chetcuti.
//= $special ?>