Lokali Parlament

Battibekk bejn Carmelo Abela u Marlene Farrugia waqt laqgħa ta’ Kumitat Parlamentari

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, qed ikomplu joħorġu fil-beraħ id-differenzi bejn membri differenti fil-Grupp Parlamentari Laburista. Fil-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fl-Iżvilupp, li nżammet ilbieraħ, seħħ argument fit-tul bejn il-Whip Laburista u Kelliem tal-Gvern Carmelo Abela u d-Deputat Laburista Marlene Farrugia, li hi wkoll iċ-Chairperson tal-Kumitat Parlamentari.

Fil-laqgħa, Carmelo Abela ħass li kellu jiddomina d-diskussjoni wara mistoqsija li għamel id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino. Madankollu, Marlene Farrugia fakkret lill-Kelliem tal-Gvern li bħala Chairperson hu d-dmir tagħha li tara li d-diskussjoni tibqa’ għaddejja b’ħin imqassam aħjar. Hi akkużat lil Carmelo Abela li qisu beda jitlob lill-Kumitat Parlamentari biex ma jiddiskutix il-materji li jħoss xierqa.

Skont Marlene Farrugia, il-Kelliem tal-Gvern ipprova jwaqqaf lill-Kumitat Parlamentari mill-ħidma tiegħu. Fil-battibekk bejn iż-żewġ Deputati Laburisti, Carmelo Abela qal li Farrugia għamlet allegazzjoni dwaru, biċ-Chairperson tal-Kumitat Parlamentari ssostni li din mhix allegazzjoni iżda “stat ta’ fatt”. Qalet li kienet lesta wkoll titlob Ruling mill-iSpeaker, bit-tama li l-ħidma tal-Kumitat Parlamentari tibqa’ għaddejja kif suppost.

Wara intervent ta’ Carmelo Abela, li fih qal li l-Kumitat Parlamentari kien qed jiddiskuti xi ħaġa li l-Liġi ma ttihx poter jiddiskuti, Marlene Farrugia fakkret li kumment li jsodd ħalq il-Kumitat Parlamentari wasal mingħand il-Kelliem tal-Gvern. Fl-argument, li ħa numru ta’ minuti mhux ħażin, Marlene Farrugia sostniet l-argument tagħha, bil-Kelliem tal-Gvern u Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista jiċħad għal kollox din l-akkuża.