Is-sitt edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem se tkun inawgurata nhar is-Sibt, 6 ta’ Dicembru u għal darb’oħra se terġa toffri l-esperjenza unika tal-grajja tat-twelid ta’ Gesu’ Bambin.
Il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preco se tinawgura din l-edizzjoni.
Il-Kumitat Organizzattiv magħmul mill-Kunsill Lokali ta’ Ghajnsielem, l-Ministeru ta’ Għawdex, il-Parroċċa Madonna ta’ Loretu u l-għaqdiet mhux governattivi ta’ Għajnsielem ilu għal dawn l-aħħar xhur jiltaqa’ u jipprepara għal dan l-avveniment li ta’ kull sena jiġbed eluf ta’ persuni.
Din is-sena dan il-Kumitat ħadem id f’id mal-Kumitat Milied f’Ghawdex li twaqqaf mill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.
Tul l-aħħar ġimgħat numru ta’ voluntiera flimkien ma’ impjegati tal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem u l-Ministeru ta’ Għawdex trasformaw Ta’ Passi f’villaġġ sħiħ simili għal Bethlehem ta’ elfejn sena ilu.
L-attrazzjonijiet prinċipali f’dan il-villaġġ tan-Natività jinkludu l-ħanut tal-mastrudaxxa, il-ħaddied, il-furnar, it-taverna u s-suq tal-ħxejjex, dawk li jagħmlu l-ħwejjeġ mis-suf, is-suq tal-artiġġjanat, il-qiegħa u d-diversi għelieqi bir-rgħajja u l-annimali..
Din is-sena, Forti Chambray se tinbidel f’villaġġ tar-Rumani filwaqt li wieħed se jkollu wkoll opportunita li jitla fuq dgħajsa li se tkun mixja tul ix-xmara. Se tirritorna wkoll il-lukanda li se jkollha tliet kmamar għal kiri fejn wieħed jistgħa jgħix l-esperjenza tal-ħajja ta’ elfejn sena ilu.
Ċertament li l-qofol ta’ Bethlehem f’Għajnsielem hija l-grotta tal-Bambin Ġesu.
Ta’ min jgħid li f’dan il-presepju jieħdu sehem aktar minn 150 attur. Bethlehem f’Għajnsielem ikun animat kull nhar ta’ Sibt, Ħadd u festi pubbliċi bil-qofol tiegħu jkun nhar il-Ħadd 4 ta’ Jannar bil-miġja tas-Slaten Maġi.
Aktar informazzjoni fuq www.ghajnsielem.com/bethlehem.
//= $special ?>