Il-finalisti telliefa tal-istaġun li għadda, Atletico Madrid, flimkien ma’ Arsenal kienu ż-żewġ timijiet li tard l-Erbgħa filgħaxija ibbukkjaw post fil-fażi tal-aħħar 16 taċ-Champions League. Liverpool, minkejja li ħadu draw barra minn darhom, għadhom b’ċans li jgħaddu filwaqt li Juventus, b’rebħa kontra Malmo għamlu pass kbir għall-fażi li jmiss.
GRUPP A
Atletico Madrid sabuha faċli biex kisbu rebħa ta’ 4-0 fi Spanja kontra Olympiacos biex b’hekk għaddew għall-fażi li jmiss. L-eroj tagħhom kien l-attakkant Kroat Madzukic li skurja hat-trick.
Wara biss disa’ minuti dawn kienu marru fil-vantaġġ meta l-gowlkiper ta’ Olympiacos Roberto salva parzjalment cross ta’ Farfan imma l-ballun spiċċa għand GARCIA li mill-viċin għamilhom 1-0. Fit-38 minuta t-tim ta’ Simeone irdoppja l-iskor meta Botia naqas milli jikklirja cross ta’ Ansaldi li spiċċa f’saqajn MANDZUKIC li skurja t-tieni gowl. L-istess MANDZUKIC għamel l-iskor 3-0 fit-62 minuta b’daqqa ta’ ras mill-aqwa wara cross ta’ Turan.
Kienu għaddew biss tliet minuti u l-eks plejer ta’ Bayern Munich skurja t-tielet gowl personali u t-tieni wieħed bir-ras fis-serata f’Madrid.
Fil-logħba l-oħra ċ-champions Taljani Juventus wettqu reazzjoni wara li kienu tilfu żewġ partiti f’dan il-grupp hekk kif kisbu rebħa ta’ 2-0 barra minn darhom kontra Malmo.
Fl-ewwel taqsima l-akbar ċans tal-Bianconeri kien xutt ċentrali ta’ Vidal. Hekk kif bdiet it-tieni taqisma Juventus fetħu l-iskor b’gowl ta’ LLORENTE li irċieva mingħand Marchiso. Għal Llorente dan kien il-ħames gowl tiegħu dan l-istaġun u t-tieni wieħed fiċ-Champions League.
Erba’ minuti mit-tmiem Juventus laqtu l-lasta permezz ta’ Morata imma minuta wara issiġillaw il-partita meta Pogba għadda ballun lejn TEVEZ li avanza u b’xutt fil-baxx għeleb lill-gowlkiper avversarju għal skor finali ta’ 2-0. Issa Juventus iridu minn tal-anqas draw fl-aħħar logħba f’Turin kontra Atletico Madrid biex jikkwalifikaw.
GRUPP B
Liverpool kienu resqin lejn rebħa imporatanti barra minn darhom kontra Ludogorets imma spiċċaw 2-2. Dan ifisser li issa huma jridu bilfors jirbħu fl-aħħar logħba tal-grupp f’Anfiled kontra Basel biex jikkwalifikaw. Draw għal Basel ikun ifisser li l-Iżvizzeri jgħaddu flimkien ma’ Real Madrid.
Wara biss tliet minuti Ludogorets marru minn fuq meta Mignolet salva parzjalment xutt ta’ Marcelinho u mir-rebound ABALO għamilhom 1-0. Ir-risposta tar-Reds kienet waħda immedjata u fit-tmien minuta LAMBERT ġab id-draw meta d-difensuri naqqsu milli jikklirjaw cross ta’ Henderson u dan approfitta mill-iżball biex għamel l-iskor 1-1. Fit-37 minuta Liverpool dawru r-riżultat u din id-darba kien HENDERSON li skurja b’xutt ċentrali.
Hekk kif kollox deher li Liverpool kienu se jieħdu tliet punti TERZIEV ġab id-draw b’daqqa ta’ ras.
Fil-logħba l-oħra, kif kien mistenni, Real Madrid għelbu lil Basel 1-0.
L-uniku gowl tal-partita skurjah is-solitu RONALDO fit-36 minuta wara li irċieva mingħand Benzema. B’dan il-gowl Ronaldo issa laħaq lill-eks plejer Raul fit-tieni post tal-aqwa skorers tal-istorja taċ-Champions League b’71 gowl wara li nhar it-Tlieta Messi ta’ Barcelona kien skurja hat trick biex tela’ fl-ewwel post tal-klassifika b’74 gowl.
GRUPP Ċ
Fi Grupp Ċ iċ-champions Portugiżi Benfica huma matematkament eliminati wara li tilfu 1-0 barra minn darhom kontra Zenit St. Petersburg. Dan hu diżappunt kbir għal Benfica li għar-raba’ darba f’dawn l-aħħar ħames staġuni l-avventura tagħhom f’din il-kompetizzjoni intemmet fil-fażi tal-gruppi. 10 minuti mit-tmiem wasal l-uniku gowl tal-logħba meta Hulk, li kien għadu kemm tilef ċans kbir, għadda ballun lejn DANNY li ma żbalajx biex ta t-tliet punti lit-tim tiegħu. Fid-90 minuta Benfica spiċċaw jilagħbu b’10 meta tkeċċielhom il-captain Luisao. Issa fl-aħħar logħba Zenit jiltaqgħu kontra Monaco f’konfront dirett.
Monaco telgħu fit-tieni post meta rebħu 1-0 kontra l-liders tal-grupp Bayer Leverkusen. Wara logħba sħiħa jiddefendu, Monaco skurjaw permezz ta’ OCAMPOS.
GRUPP D
Wara telfiet konsekuttivi kontra Swansea u Man Utd fil-kampjonat Arsenal kellhom wirja mill-aqwa fejn għelbu lil liders tal-grupp Borussia Dortmund bi skor ta’ 2-0. B’hekk, minbarra li huma għaddew għall-fażi li jmiss pattew ukoll għat-telfa ta’ 2-0 li kienu sofrew kontra l-istess Dortmund fil-Ġermanja. Din kienet ukoll l-ewwel telfa ta’ Dortmund fiċ-Champions League wara li kienu kibsu erba’ rebħiet infila.
It-tim ta’ Arsene Wenger ħareġ jattakka u fil-fatt, wara biss żewġ minuti mar fil-vantaġġ. Kien Yaya SANOGO li l-ewwel iddefenda l-ballun, qassam lejn Cazorla u dan tal-aħħar reġa’ għadda l-ballun lejn Sanogo li għamel l-iskor 1-0 bl-ewwel gowl tiegħu fiċ-Champions League. Fis-57 minuta SANCHEZ skurja ġmiel ta’ gowl biex issiġilla l-partita favur il-Gunners.
Fil-logħba l-oħra Anderlecht ikkwalifikaw għall-Europa League meta għelbu lil Galatasaray 2-0. L-eroj tal-Belġjani kien MBEMBA li skurja gowl f’kull taqsima. L-ewwel gowl tiegħu skurjah bir-ras filwaqt li t-tieni wieħed wasal tliet minuti wara li t-Torok kienu spiċċaw jilagħbu b’10 meta tkeċċa Inan.
//= $special ?>

