Bdew ibattu l-protesti f’diversi bliet Amerikani dwar id-deċiżjoni li pulizija abjad ma jkunx akkużat talli spara u qatel żagħżugħ iswed mhux armat f’Ferguson, Missouri.
Il-protesti minn New York sa Seattle kienu paċifiċi iżda nqalgħu rvellijiet f’Oakland, Kalifornja u l-istess Ferguson.
Il-pulizija li qatel lil Michael Brown qal li hu għandu “kuxjenza nadifa”.
Darren Wilson, li spara u qatel liż-żagħżugħ ta’ 18-il sena fid-9 ta’ Awwissu, stqarr li fil-ġlieda li seħħet qabel l-isparatura, hu qal li “ħassu qisu tifel ta’ ħames snin iżomm lil Hulk Hogan”.
Ħafna mill-komunità ta’ Ferguson, b’maġġoranza Afro-Amerikana, appellaw biex il-pulizija jkun mixli bi qtil, iżda d-deċiżjoni tal-ġurija fissret li l-pulizija mhux se jerġa’ jiffaċċja akkużi kriminali mill-istat dwar l-isparatura.
Madwar 2,200 suldat tal-Gwardja Nazzjonali ntbagħtu biex jassistu lill-pulizija ħalli tinżamm l-ordni fil-belt u madwarha.
Ibattu l-protesti imma mhux ir-rabja f’Ferguson
