Il-pupa Barbie m’għadhiex l-aktar ġugarell popolari għall-bniet fi ħwienet tal-ġugarelli. Għal dawn l-aħħar 11-il sena, il-pupa magħmula mid-ditta Mattel, kienet l-aktar ġuġarell li nxtara bħala rigal għall-Milied minn ġenituri ta’ ulied bniet.
Iżda Barbie sabet kompetitur u ġiet klassifikata fit-tieni post mill-film Frozen ta’ Disney.
Skont studju minn Holiday Top Toys mill-Federazzjoni Nazzjonali tal-Ħwienet fl-Istati Uniti, madwar wieħed minn kull ħames ġenituri qed jippjana li jixtri oġġett mill-film animat għal uliedu bniet.
Filwaqt li 20 fil-mija tal-ġenituri qed jiddependu mill-film tat-tfal sabiex tinħoloq tbissima fuq l-ulied fl-għodwa tal-Milied, 16 fil-mija tal-ommijiet u l-missirijiet għadhom qed jippjanaw biex jixtru pupa Barbie.
Il-film Frozen qajjem ferneżija kbira mindu ħareġ f’Novembru tas-sena li għaddiet. Sa Ġunju, il-film kien diġa’ għamel $1.2 biljun madwar id-dinja fil-box office, u dan jagħmlu l-ħames l-aktar film li daħħal flus.
Is-soundtrack tal-film biegħet aktar minn miljun kopja u ġiet streamed aktar minn tmien miljun darba fuq Spotify, filwaqt li xxandru ħafna filmati fuq YouTube ta’ tfal ikantaw is-soundtrack mal-ġenituri tagħhom.
//= $special ?>