Id-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli appellat lill-Gvern jgħid dak li wkoll qed jistaqsi l-poplu, dwar kemm irnexxielu jikkonvinċi pajjiżi biex jieħdu immigranti minn pajjiżna.
Dwar l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari, Marthese Portelli qalet meta tkellmet fil-Parlament fid-diskussjoni dwar il-baġit, li smajna ftit li xejn x’qed isir mill-gvern f’dan ir-rigward u liema huma l-pajjiżi li qed jieħdu immigranti minn pajjiżna. Fissret li l-impressjoni hi li pajjiżna qata’ qalbu minn din l-isfida.
Marthese Portelli qalet li Malta hi kburija b’dak li akkwistat matul is-snin fil-qasam tal-politika barranija, iżda fissret li dan il-pajjiż qatt ma ħolom li min imexxih ibigħ ukoll iċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna biex ma joħloqx sistemi biex isaħħaħ il-finanzi tiegħu. Staqsiet lill-Gvern jgħid lil min, u kemm tqassmu passaporti matul din is-sena.
Marthese Portelli rrimarkat li hi sfortuna li f’dan il-Ministeru bqajna naraw numru ta’ transfers, u sfortuna akbar li rajna wkoll erba’ Segretarji Permanenti f’anqas minn sentejn. Fissret li ambaxxaturi li mhux ġejjin mill-kamp diplomatiku, qed iħallu effett negattiv.
Gvern preċedenti kien għamel proposta konkreta lill-pajjiżi ġirien dwar il-linja medjana, iżda quddiem il-fatt li din il-kwistjoni għadha pendenti, appellat għal aktar inizjattivi konġunti, u jibqa’ jinsiti għal soluzzjoni.
Aċċennat ukoll dwar l-importanza li kull ftehim iffirmat minn pajjiżna għandu jitqiegħed fuq il-websajt tal-Ministeru, u saħqet li hemm ftehim nieqsa li jinkludi dak dwar l-Enemalta u dak dwar ix-xiri taż-żejt mal-Libja wara li għaddew issa kważi sena, u jekk għadu mhux il-waqt, il-Gvern jgħid meta dawn jistgħu jiġu ppubblikati.
Osservazzjoni oħra li għamlet id-Deputat Nazzjonalista kienet dwar iż-żieda li qed jipproġetta l-Gvern fid-dħul mill-permessi u ċ-ċertifikati, u staqsiet jekk dan ifissirx żieda fil-miżati u fuq liema servizzi se jkun hemm żidiet.
Dwar il-pagi tal-Ministeru tal-Affarijeit Barranin, Marthese Portelli qalet li se jkun hemm żieda ta’ 22%, u jekk dan hux kawża ta’ żieda ta’ ambaxxaturi u konsulati, jew hux impjiegi li saru fil-Ministeru.
Semmiet ukoll iż-żieda fil-baġit għall-Overseas Development Aide li se tiżdied b’nofs miljun ewro, u qalet li dan hu żvilupp importanti li għandu jintuża bl-aħjar mod għal min qed ibati u jgħix fil-faqar. Inizjattiva oħra tajba hi l-Konvenzjoni tal-Maltin ta’ Barra u awgurat li tkun suċċess bħalma kienet l-ewwel waħda ftit tas-snin ilu.
Tkellmet ukoll dwar iż-żjarat tal-Ministru u qalet li kien tajjeb li saru żjarat importanti fosthom f’Gaża u fil-Ġordan. Irrimarkat ukoll li ma kienx hemm tweġiba dwar żjarat li saru f’pajjiżna minn Ministri tal-Affarijiet Barranin.
Dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, Marthese Portelli qalet li Malta trid tkompli tagħmel ħilitha favur l-istabbilità f’dan il-pajjiż u biex jipproteġi l-investiment tal-Maltin fil-Libja.
Dwar il-prezenza ta’ Malta fl-Istati Uniti talbet biex il-Ministru jagħti rendikont ta’ dak li sar f’dan il-qasam meta fakkret li s-sieħba tal-mara tal-Prim Ministru fl-Istati Uniti għandha salarju qawwi. Talbet ukoll informazzjoni dwar il-ħidma li wettqu l-Ambaxxaturi Joe Grima u Alex Sceberras Trigona.
Irreferiet għall-intervista tal-Ministru Vella fejn iddikjara li jekk tħallas bil-karawett iġġib ix-xadini, b’rabta mal-ħatra ta’ Sai Mizzi, u staqsiet lill-Ministru jekk hux kuntent bix-xogħol u l-kordinazzjoni li qed tagħmel il-mara tal-Minsitru Konrad Mizzi.
//= $special ?>