Il-kċina li kienet tintuża f’San Vincenz de Paul u li kienet kundannata u mfissra bħala perikoluża u li se tisplodi, tant li l-Gvern daħħal kuntrattur ġdid, illum jinsab fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea, kelliem għall-Anzjani, staqsa kif dan l-apparat kundannat, il-Gvern issa bagħtu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u sostna li bl-argument tal-Gvern, l-apparat kellu jintrema mhux imur il-ħabs.
Meta tkellem fil-Parlament dwar il-baġit tal-Gvern għall-anzjani, Mario Galea qal ukoll li bil-kuntrattur il-ġdid minflok il-kċina li żżarmat f’San Vincenz de Paul, ikla llum qed tiswa €10.30 meta qabel kienet tiswa €4. Fisser ukoll li l-kuntratt għal madwar 2,800 ikla kuljum ingħatat b’direct order.
Irrimarka li jaqbel li kien hemm bżonn ta’ aktar investiment u titjib fil-kċina f’din ir-residenza, kif sar anke minn dan il-Gvern meta l-eks-Segretarju Parlamentari ta’ dan il-Gvern, Franco Mercieca, kien nefaq ukoll €7,000 biex għamel menu ġdid ta’ ikel fil-kċina tar-residenza.
Irrifera wkoll għas-servizz tal-Meals on Wheels u qal li hu infurmat li se jibda jsir minn kuntrattur wieħed, u jekk hux veru li l-ikel se jintbagħat kiesaħ u jrid jissaħħan f’microwave, li mhux kull anzjan għandu. L-ikla issa se tiġi tiswa minn €2.21 għal €5.57. Staqsa wkoll x’se jiġri mill-ħaddiema ta’ din l-NGO.
Mario Galea qal li fis-settur tal-anzjani hemm konfużjoni tort il-kompromessi tal-Prim Ministru. Inbidlu żewġ ministri u żewġ Segretarji Parlamentari u tliet Direttur tal-Elderly f’21 xahar. Dan jirrifletti li s-settur miexi bl-iskossi u pjani jinbidlu.
F’diskors ta’ erba’ sigħat, il-Minisru tal-Finanzi ma sabx paragrafu wieħed dwar il-pjan tal-Gvern għall-anzjani. Baġit li ma fih xejn ġdid għall-anzjani, u għat-tieni darba dwar id-dimensja u l-anzjanità attiva ma ssemma xejn.
Mario Galea qal li bil-flus ivvutati għad-day centres, sar biss xi xogħol f’day centre fil-Gżira u nbiddillu ismu u reġa’ nfetaħ bil-Kunsill jibqa’ jħallas hu l-kera tiegħu. Dwar id-day centres ippjanati fil-baġit ta’ sena ilu f’Ħal Balzan u fil-Birgu, ma sar xejn. F’sentejn ukoll il-Gvern għadu ma qalx jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu aktar night shelters. Fil-leġiżlatura li għaddiet infetħu tlieta.
Ikkritika wkoll il-baġit li ma jsemmi xejn fuq is-servizzi u l-kura għad-dimensja, li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qed tirreferi għaliha bħala l-epidemija siekta. Fisser li kien hemm diġà strateġija għad-dimensja minn grupp ta’ esperti wara konsultazzjoni wiesgħa, u li kienu reġgħu kitbu huma l-istrateġija għaliex riedu strateġija aħjar. Strateġija wkoll li tfasslet ukoll flimkien ma’ esperti fi Franza, u għalkemm ma kinitx ippubblikata, bdiet titwettaq.
Ikkundanna wkoll it-t-transfers li saru lil kull Nazzjonalist fl-Activity Centre li mbagħad kienu mwaqqfa. Irrifera lill-Gvern isegwi x’isir fl-Isterling University dwar il-qasam tad-dimensja.
Appella wkoll lill-Gvern biex iżid in-nursing beds li fl-amminstrazzjoni preċedenti kienu żdiedu b’1,011. Dwar is-sodod mixtrija mill-privat bl-iskema tal-Public Private Partnership, dan il-Gvern xtara biss 133, meta fl-amministrazzjoni preċedenti kienu jinxtraw 200 fis-sena.
Staqsa wkoll x’inhuma l-pjani tal-gvern dwar it-titjib ta’ swali f’San Vincenz de Paul meta hemm swali li minnhom inħarġu l-anzjani u x-xogħol hu wieqaf. Semma kif sala li kienet inawgurata mill-President tal-lum meta kienet Ministru, għadha bla purtieri.
//= $special ?>