Waqt li kien fi triqtu lura l-Vatikan minn Strasburgu fejn indirizza l-Parlament Ewropew, il-Papa Franġisku stqarr mal-ġurnalisti abbord li kien lest jitkellem mat-tmexxija tal-ISIS jekk dan iservi biex iġib il-paċi fl-Iraq u s-Sirj imma fl-istess ħin kien xettiku kemm l-ISIS riedu jitkellmu.
Il-Papa qal li l-bieb tiegħu dejjem kien miftuħ għal inizjattivi tal-paċi imma ammetta li kien se jkun diffiċli li wieħed jinnegozja mal-ISIS.
Tul dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm diversi indikazzjonijiet li aktarx il-Papa stess kien fil-mira tal-ISIS peress li tkellem bil-qawwa kontra l-atroċitajiet li qed iwettqu. Fil-propaganda tagħhom, il-membri tal-ISIS spiss stqarrew li riedu jaħkmu lil Ruma, u li fuq il-Bażilika ta’ San Pietru jkun hemm tperper il-bandiera tal-ISIS.
Sadattant rapporti minn Mosul qalu li ġellieda tal-ISIS qerdu parti kbira tal-kunvent tas-sorijiet tas-Sacra Cour f’Mosul.
Sar magħruf li żewġ żgħażagħ kienu mħaġġra mill-ISIS f’Mayadeen u Deir Ezzor għaliex ġew akkużati li kienu omosesswali. Iżda ħbieb tal-vittmi qalu li dawn kienu attivisti kontra l-ISIS u ġabu skuża li kienu omosesswali biex joqtluhom.
Fi żvilupp ieħor fil-Libja, il-belt ta’ Derna fil-Lvant, l-ISIS qed ikomplu jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom.
Kunvent tas-sorijiet u omosesswali fil-mira tal-ISIS
Il-ġellieda tal-ISIS diġà ħakmu diversi zoni fl-Iraq u fis-Sirja, u l-mexxej tal-grupp estremista Abu Bakr al-Baghdadi dan l-aħħar ftaħar b’wegħdi ta’ alleanza minn militanti fil-Libja, fl-Eġittu, fl-Alġerija, fil-Jemen u fl-Arabja Sawdija.
Xi osservaturi minn pajjiżi tal-Punent jikkunsidraw lil Derna, belt ta’ madwar 150,000 persuna, bħala d-dar tat-tielet ‘franchise’ tal-ISIS fl-Afrika ta’ Fuq, wara li Jund al-Khilifa fl-Alġerija u Ansar Bayt al-Maqdis fl-Eġittu, iddikjaraw l-appoġġ tagħhom kmieni din is-sena.
Othman Ben Sassi, eksmembru ta’ dak li kien il-Kunsill Tranżitorju Nazzjonali, qal li “l-ISIS jinsab f’Derna u hu msaħħaħ tajjeb… m’hemm ebda dubju.”