Ambjent Parlament

Il-pjan soċjali tal-Gvern off track

L-istatistika turi li l-faqar żdied mhux naqas

Hu ċar li l-pjan soċjali ta’ dan il-Gvern qiegħed off track. Il-politika soċjali qed topera bla boxxla u m’għandhix nisġa li tipprovdi direzzjoni. Gvern li fi tliet baġits ħabbar direzzjonijiet soċjali bla ma lesta l-istrateġija effettiva. Miżuri li mhux jagħtu serħan il-moħħ għal min irid ukoll iħares lejn l-aspettattivi li għamel il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni.

Dan fissru d-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli fil-Parlament meta fid-diskussjoni tal-baġit dwar il-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, qal li l-Baġit introduċa diversi inizjattivi ġodda u li l-Oppożizzjoni wkoll taqbel dwarhom, iżda hemm min qed jintlaqat xorta ħażin.

L-istrateġija għall-pensjoni adegwata, il-politika nazzjonali għat-tfal, il-liġi tat-tfal u l-housing soċjali huma off track u l-living wage ma tidhirx.

Sadattant, il-faqar mhux naqas iżda żdied u l-lower middle class iridu jerfgħu l-piżijiet ġodda li żied il-Gvern u jgħixu biż-żieda ta’ 58ċ. Mill-2012 sal-lum, il-basket ta’ xirja ta’ affarijiet essenzjali għall-anzjani żdied b’€31.

Dwar il-politika nazzjonali għat-tfal, qal li diġà kienet imfassla u llum dan il-Gvern reġa’ beda jiddiskuti, u l-ġdida tal-fostering baqgħet fuq l-ixkaffa u dawk li jersqu għal dan il-pass qed jonqsu flok jiżdiedu.
Fis-settur tal-anzjani qegħdin ukoll off track u l-waiting list f’San Vincenz żdiedet b’600.

Dwar il-faqar u l-inugwaljanzi fis-soċjetà, Clyde Puli qal li fl-ewwel sena ta’ gvern Laburista l-faqar tela’ għal 99,000 – kwart tal-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar jew imċaħħda mill-affarijiet essenzjali. Meta tara li l-foqra komplew jiftaqru hu ta’ tħassib.

Dawk li kienu fil-kategorija ta’ materjalment imċaħħda u waqgħu fil-kategorija ta’ severement materjalment imċaħħda, żdiedu b’elfejn. Dan jirriżulta mis-Social Income and Living Survey.

Il-Partit Laburista li wiegħed li l-faqar jeqirdu mill-għeruq, għadu bla pjan serju kontra l-faqar, minkejja li l-abbozz għal din l-istrateġija diġà l-Gvern ipprova jnediha erba’ darbiet. Semma li l-programm elettorali jispeċifika li sal-aħħar sena ta’ gvern Nazzjonalista kien hemm 88,000 persuna fil-faqar, iżda l-aħħar statistika turi 99,000.

Clyde Puli qal li l-Gvern qiegħed jaqta’ qalbu li jwettaq din il-wiegħda u minflok, qed idur għal għoti ta’ flus diretti bħalma beda jagħmel f’dan il-baġit.

Fisser li l-ħidma tal-Gvern kontra l-abbuż kontra l-frodi fil-benefiċċji soċjali hi tajba, iżda naqas li juri kif se jsaħħaħ dan l-infurzar. Dwar l-awtorità morali biex iwaqqaf dan l-abbuż, Clyde Puli qal kif jista’ dan il-Gvern jittieħed bis-serjtà meta għannaq u ddefenda persuna li nstabet ħatja fil-Qorti u kkundannat. Appella biex ma nħalltux id-dipendenza tal-benefiċċji mal-abbuż, u saħaq li l-aktar importanti hu li ninċentivaw inizjattivi li joħolqu x-xogħol, li dan il-Baġit ma jindirizzax

Staqsa x’se jiġri fuq tfal ta’ single parents li ma jistgħux jidħlu fid-dinja tax-xogħol minħabba ċ-ċirkustanzi tat-tfal u każijiet oħrajn ġenwini. Kif se jkun determina il-kejl ta’ min jingħata l-benefiċċji bejn min jista’ jabbuża u min jinsab f’ċirkustanzi partikolari.

Dwar il-pensjonijiet, Clyde Puli qal li 25,000 pensjonanti qegħdin ukoll f’riskju ta’ faqar – kwart tal-pensjonanti. B’rabta mat-third pillar pension, qal li mhux kulħadd jista’ jħallas għal dan u għalhekk l-Oppożizzjoni nsitiet l-ewwel fuq it-twettiq tat-tieni pass fir-riforma tal-pensjonijiet.