Lokali Parlament

Aġġornata b’Filmat: Ippreżentata l-Mozzjoni ta’ Sfiduċja mill-Oppożizzjoni kontra l-Ministru Manwel Mallia

Kif ħabbar il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil it-Tlieta li għadda, illum waranofsinhar l-Oppożizzjoni ressqet Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia. F’kummenti lill-media, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Parlament Mario de Marco sostna li l-Oppożizzjoni ma kellha l-ebda triq oħra ħlief li tippreżenta din il-Mozzjoni wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat naqas milli jneħħi lil Manwel Mallia.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li l-Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Ministru Mallia qed titressaq anke biex l-Oppożizzjoni tkun qed tirrappreżenta l-għajta tal-poplu Malti u Għawdxi, li qed jistenna li l-Ministru Mallia jerfa’ r-responsabbiltà politika. Sostna li l-probabbiltà hi li l-Mozzjoni ma tgħaddix, iżda stieden lid-Deputati Laburisti biex jivvutaw skont il-kuxjenza. Din hi sitwazzjoni redikola, qal Mario de Marco, li l-Oppożizzjoni kellha tasal biex tressaq il-Mozzjoni ta’ Sfiduċja minflok ma kien il-Prim Ministru li ħa d-deċiżjoni.

Il-Mozzjoni hi ffirmata minn Mario de Marco u mill-Kelliem għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi.

Agħfas hawn biex taqra l-Mozzjoni.