Kurżitajiet

Issa qed jgħidu li l-kafe’ jnaqqas id-dementia

Wisq probabbli li tazza kafe’ tkun l-ewwel xarba li nieħdu kull filgħodu malli nqumu jew malli naslu fuq il-post tax-xogħol. Iżda żgur li ftit jafu x’benefiċċji fih il-kafe’ għal min jieħdu regolarment, u dan skont riċerka ġdida li saret.

Studju pubblikat dan l-aħħar juri li l-kafe’ huwa tajjeb kemm għal kontra d-dementia u anke kontra l-Alzheimers.

Jirriżulta li meta wieħed jixrob bejn tlieta u ħames tazzi kafe’ fil-ġurnata ikun qed inaqqas b’20% il-possibilta’ li tiżviluppalu l-Alzheimers, filwaqt li l-istess kafe’ jgħin bħala prevenzjoni għad-dementia.

Minkejja dan, importanti wieħed jirrimarka li l-Istitut Xjentifiku li għamel din ir-riċerka huwa finanzjat minn kumpaniji ewlenin fl-Ewropa li jipproduċu l-kafe’. Fil-fatt, organizzazjonijiet Ingliżi li jaħdmu fost in-nies affetwati bl-Alzheimers qalu li dan l-istudju mhux ibbażat fuq provi kliniċi b’saħħithom.

Fir-Renju Unit biss hemm 850,000 persuna affetwati mid-dementia, li minnhom 60% isofru mill-Alzheimers. Dan ir-rapport ġie prezentat fi Glasgow waqt il-Kungress Annwali ta’ Alzheimer’s Europe.