Il-Kelliem tal-Prim Ministru Kurt Farrugia ma ċaħadx li kien hu li ħareġ l-istqarrija li kellha numru ta’ gideb aktar minn sagħtejn wara li x-xufier tal-Ministru Manwel Mallia allegatament spara fuq persuna oħra.
Dalgħodu, Kurt Farrugia kien qed jakkumpanja lill-Prim Ministru Joseph Muscat għal dibattitu mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fl-istudios ta’ Where’s Everybody f’Ħal Qormi. Id-dibattitu, parti mill-programm “Reporter”, se jixxandar it-Tnejn fuq l-istazzjon tal-Istat.
Ma’ MaltaRightNow.com, Kurt Farrugia ma ċaħadx li kien hu li ħareġ l-istqarrija b’numru ta’ gideb. Dan hekk kif informazzjoni li għandna tgħid li l-Kelliem tal-Prim Ministru kien jaf bil-kontenut tal-istqarrija qabel ma nħarget, tant li l-istqarrija ħarġet bl-approvazzjoni tiegħu.
Fil-Parlament, il-Ministru Manwel Mallia qal li rax l-istqarrija qabel ħarġet, filwaqt li sostna li fil-ħin tal-isparatura kien fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-preżenza tal-Aġent Kummissarju Ray Zammit.
Sadanittant, madwar 20 minuta wara li l-crew tagħna wasal fil-post biex jagħmel il-mistoqsijiet lil Kurt Farrugia, wasal ukoll crew tal-media Laburista.
//= $special ?>