Min jiġi nominat bħala ambaxxatur għandu jidher quddiem il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament
L-Oppożizzjoni temmen li stabbiltà fil-politika barranija tagħna mibnija fuq il-kunsens sostanzjali mhux biss f’dan il-Parlament iżda wkoll fl-opinjoni pubblika, hi ta’ ġid mhux biss għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi ħbieb tagħna fl-Ewropa, fil-Mediterran, fil-Commonwealth, iżda wkoll fil-politika ekonomika, għaliex b’hekk l-investiment barrani jkollu garanzija kontra skossi u imprevisti.
Carmelo Mifsud Bonnici, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin, qal dan meta tkellem fil-Parlament fuq il-vot tal-baġit tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li din is-sena kienet xhieda ta’ kunflitti militari u instabbilità. Fl-Ukrajna komplew il-kumplikazzjonijiet; fil-Libja żviluppaw ukoll xenarji ta’ konflitti interni f’pajjiż li sejjer aktar għal gwerra ċivili; fis-Sirja u fl-Iraq il-grupp terroristiku tal-ISIS firex is-saħħa tiegħu; u fil-Lvant Nofsani bil-kunflitt jispikka bejn il-Palestina u Iżrael. Kunflitti li huma marbuta wkoll mal-Ewropa, il-Mediterran u ma’ pajjiżna wkoll.
Semma wkoll il-passi ‘l quddiem dwar dak li seħħ fit-Tuneżija, u l-iżviluppi li seħħew fl-Eġittu. Esprima l-preokkupazzjoni wkoll għall-inkwiet fl-Ukrajna u għal dak li qed iseħħ fis-Sirja u fl-Iraq, u dwar it-theddida tal-Istat Iżlamiku.
Iddikjara li kien hemm pożizzjonijiet ġodda u hemm skambju ta’ ideat bejn Gvern u Oppożizzjoni biex il-politika barranija jkollha l-kunens ta’ kulħadd. Dan hu pass pożittiv. L-Oppożizzjoni tifhem li dan ma jistax isir fuq kollox, iżda
l-pass li ttieħed għandu jiġi reġistrat bħala wieħed fid-direzzjoni t-tajba.
Appella biex jinstabu okkażjonijiet li bi qbil, il-Parlament jiddibatti suġġetti li jimmeritaw attenzjoni minġħajr il-ħtieġa ta’ vot. Fakkar li kien bl-Indipendenza li twieled il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin li sar determinanti u li permezz tal-Indipendenza affermajna l-vuċi tagħna li hi ħafna akbar mid-daqs tiegħu. Appella lill-Gvern, biex dan ikun apprezzat f’seduta partikolari biex jikkommemora l-50 anniversarju ta’ dan l-iżvilupp.
Irrimarka wkoll li ż-żjara li saret fil-Lvant Nofsani mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin kienet ukoll apprezzata mill-Oppożizzjoni.
Dwar il-Libja, Carm Mifsud Bonnici fisser li l-Oppożizzjoni taqbel mad-deċiżjoni li tingħalaq l-Ambaxxata fi Tripli, u irrifera wkoll għall-mozzjoni li ppreżentat l-Oppożizzjoni f’Lulju li għadda biex il-Parlament jiddiksuti dak li kien qed iseħħ fil-Libja u fir-relazzjonijiet ma’ pajjiżna fid-dawl ta’ nuqqas ta’ informazzjoni li kienet ġejja mill-uffiċċju tal-Prim Ministru u mhux mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Tkellem ukoll dwar il-kapitlu tan-newtralità, li fil-kunċett u fl-ispirtu l-Oppożizzjoni taqbel u lesta li tiddiskuti l-kwistjoni tan-newtralità. Appella li dan il-kunċett, li għandna ndaħħlu fil-Kostituzzjoni, m’għandux jiġi mqiegħed f’post ieħor jekk mhux fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Semma wkoll is-summit tal-Commowealth tas-sena d-dieħla, il-Konvenzjoni tal-Maltin li jgħixu barra, il-preparazzjonijiet għall-Presidenza Ewropea, u t-twaqqif tal-Istitut Kulturali Malti li l-Oppożizzjoni temmen li post dan l-Istitut għandu jkun fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għax jagħmel aktar faċli t-tħaddim tiegħu. B’rabta mal-presidenza tal-UE, qal li l-Gvern għandu jaħdem biex jiġi reġistrat il-progress u nassiguraw punti fuq l-aġenda li ma jisparixxux hekk kif il-presidenza tgħaddi.
Dwar il-ħatriet ta’ numru ta’ ambaxxaturi, Carm Mifsud Bonnici qal li wara sena minn diversi ħatriet, nistgħu nanalizzaw jekk hux qed iwettqu ħidma effettiva. L-Oppożizzjoni hi determinata li meta tkun fil-Gvern, min jiġi nominat bħala ambaxxatur għandu l-ewwel jidher quddiem il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament, kif isir f’pajjiżi oħra.
Dwar l-immigrazzjoni irregolari, irimarka li naqas it-ton negattiv, u rajna wkoll li numru żgħir ta’ immigranti, f’ħafna okkażjonijiet kellu jkun il-Ministeru tal-Affarijiet u mhux il-Ministeru tal-Intern li ħa r-riedni f’idejh u aġixxa.
//= $special ?>