Futbol Sport

Malta tavanza disa’ pożizzjonijiet

Ritratt: Roberto Runza

Grazzi għad-draw prezzjuż ta’ 1-1 li kisbet Malta barra minn darha kontra l-Bulgarija fis-16 ta’ Novembru, din avanzat disa’ pożizzjonijiet f’dawk li huma rankings mondjali tal-FIFA. Dan ġie żvelat illum hekk kif ġiet ippubblikata l-lista fejn fl-ewwel post għad hemm il-Ġermanja, champions tad-dinja. Id-draw kontra l-Bulgarija kien f’partita mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016 u Malta issa tinsab fil-148 pożizzjoni b’total ta’ 129 punt u l-impenn li jmissha issa hu dak kontra l-Ażerbaijan fit-28 ta’ Marzu tal-2015. Ma kien hemm l-ebda ċaqliq fl-ewwel sitt pożizzjonijiet ta’ din il-klassifika fejn il-Ġermanja hi segwita mill-Arġentina, l-Kolombja, l-Belġju, l-Olanda u l-Brażil.

Spanja, champions tal-Ewropa avanzaw post u qegħdin fid-disa’ pożizzjoni filwaqt li l-Italja baqgħet fil-11-il post wara li ġiet draw kontra l-Kroazja f’logħba mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016 u rebħet logħba ta’ ħbiberija kontra l-Albanija.

L-Ingilterra, wara li rebħet kontra s-Slovenja u l-Iskozja avanzat seba’ pożizzjonijiet u issa qiegħdhda fit-13-il post. Franza ġiet milħuqa mill-Potugall fis-seba’ post. Wara li għelbu lill-Greċja 1-0, il-Faroe Islands avanzaw 82 pożizzjoni u issa qegħdin fil-105 post.