Lokali Parlament

Sar ħafna iżda fadal aktar xi jsir

Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri tkellem dwar il-qasam tal-persuni b’diżabbiltà u filwaqt li qal li saru ħafna żviluppi u jirrikonoxxi dak kollu li qed isir b’direzzjoni tajba, fadal ħafna xi jsir meta hi realtà li d-diżabbiltà hi assoċajta wkoll mal-faxxa f’riskju ta’ faqar.

Meta tkellem dwar is-settur tad-diżabbiltà fid-diskussjoni fil-Parlament dwar il-Baġit, Stephen Spiteri semma li familji li għandhom persuni b’diżabbiltà wkoll qed jiffaċċjaw il-faqar u l-Gvern għandu wkoll jindirizza dan bi dħul finanzjarju adegwat.
Fakkar fil-wegħda tal-Gvern li l-pensjonanti jingħataw 60% tal-paga medja, u appella lill-Gvern biex il-pensjoni tad-diżabbiltà tiżdied bl-istess mod.

Fisser li l-qasam qed joffri sfidi kbar kemm għall-individwi kif ukoll għall-familjari tal-persuni b’diżabbiltà. Staqsa jekk persuna b’diżabbiltà hiex verament inkluża fid-dinja tax-xogħol u fl-indipendenza finanzjarja biex tlaħħaq ukoll mal-bżonnijiet tagħha.

Irrifera għal numru ta’ inċentivi fil-Baġit favur il-persuni b’diżabbiltà biex il-parteċipazzjoni tkun reali.
L-esperjenza wriet li s-suċċess jiddependi fuq is-servizzi ta’ appoġġ li dawn il-persuni għandhom dritt għalih u kemm is-soċjetà toffri impjieg addatt għal dawn il-persuni fis-soċjetà, bi bżonnijiet ivarjaw minn persuna għal oħra.

Appella għal struttura effettiva ta’ appoġġ u opportunitajiet ġodda ta’ xogħol għal persuni b’diżabbiltà biex inħarsu aktar lejn l-abbiltà milli d-diżabbiltà.

Dwar id-djar għall-persuni b’diżabbiltà Stephen Spiteri qal li l-Gvern qed ikompli bil-politika li jibni aktar djar favur il-kunċett ta’ ħajja indipendenti u ħajja reali. Appella wkoll għal direzzjoni fejn għandhom isiru d-djar u dan biex familji b’persuni b’diżabbiltà jingħataw is-serħan tal-moħħ dwar il-kura ta’ wliedhom.

Semma l-Fond li kien twaqqaf mill-Gvern preċedenti għal Independent Living, b’fond ta’ €380,000, biex persuna tiġi megħjuna biex tinstab residenza, u qal li jkun ħasra jekk il-gvern ma jkomplix jinvesti f’dan il-Fond.

Semma wkoll dwar is-servizz tar-respite u qal li dan hu servizz importanti iżda appella li dan is-servizz mhux biss jiżdied, iżda wkoll li jkun ta’ kwalità fis-servizz li joffri.

Tkellem ukoll dwar ir-riżorsi umani f’dan is-settur u qal li jrid ikun dejjem professjonali u jaf jieħu deċiżjonijiet anke f’ambitu ta’ emerġenza għall-isfidi li jiffaċċja.

Faħħar l-idea ta’ Trusts għal dawk il-persuni bi problemi ta’ diżabbiltà mentali u qal li jemmen li dawn għandhom ikunu msaħħin u wżati kif jixraq.

Appella għal aktar għajnuna lill-NGO’s fl-applikazzjoni għal fondi mill-Unjoni Ewropea u jakkwistaw fondi meħtieġa.
Dwar il-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà, Stephen Spiteri qal li hu importanti li l-Kummissjoni tkun aktar awtonoma, trasparenti u tiffunzjona aktar bħala regolatur u twettaq aktar ix-xogħol b’effiċjenza.

Appella lill-Gvern jinċentiva aktar lil dawk li huma vulnerabbli u mhux qed jingħataw paga ġusta għax-xogħol li qed jagħmlu, u għal dawk li qed ifittxu x-xogħol. Issuġġerixxa wkoll għal job coaching permezz tal-ETC kemm lil min qed ifittex ix-xogħol iżda wkoll lil min iħaddem biex dawn jimpjegaw persuni b’diżabbiltà.

Tkellem ukoll dwar fondi Ewropew li nistgħu ngawdu minnhom biex aktar persuni jkunu lesti biex jintegraw f’impjieg, anke fil-belt jew villaġġ tagħhom bi skemi speċifiċi.

Dwar l-Aġenzija Support, appella biex tingħata aktar għajnuna biex tlaħħaq mal-waiting list li hemm ta’ servizzi li jridu jingħataw.