Tifla nqatlet fit-Tramuntana tal-Indja, ġimgħa wara li grupp ta’ rġiel kriminali tawha n-nar bi tpattija talli rreżistiet l-attentati tagħhom biex jiffastidjawha sesswalment.
Il-qtil orribbli hu l-aħħar wieħed fl-Indja fejn attakki sesswali fuq in-nisa jibqgħu jseħħu kważi kuljum minkejja l-kundanna internazzjonali dwar stupru fatali li sar minn diversi rġiel fuq studenta fl-2012.
Fl-aħħar każ, il-pulizija arrestaw erbat irġiel fuq l-attakk li seħħ wara li t-tifla ta’ 15-il sena ħarġet mid-dar tagħha fl-istat ta’ Uttar Pradesh fis-16 ta’ Novembru.
Il-familja tat-tifla qalet lill-pulizija li sitt irġiel kaxkruha lura fid-dar tagħha wara li hi oġġezzjonat għall-mossi moqżieża tagħhom u għal attentati biex jagħtuha fastidju.
RK Sahu, is-supretendent tal-pulizija, stqarr li l-irġiel imbagħad xarrbuha bil-pitrolju u tawha n-nar bħala kastig fil-villaġġ ta’ Shahjahanpur, xi 277 kilometru fix-Xlokk ta’ New Delhi.
It-tifla twasslet għall-kura fi sptar lokali iżda mietet minħabba l-ġrieħi serji li ġarrbet.
Sahu qal li erbgħa mis-sitt aggressuri ġew arrestati. Ilkoll jagħmlu parti mill-istess villaġġ u huma tal-istess denominazzjoni reliġjuża tat-tifla.
Tifla tmut wara li ngħatat in-nar fl-Indja
