Kmieni dalgħodu karozza tal-linja kważi spiċċat f’foss li jdawwar parti mill-Park and Ride ta’ Pembroke. Fuq tal-linja, bir-rotta 205 u li kienet sejra lejn ir-Rabat, kien hemm seba’ passiġġieri. Jidher li għal xi raġuni l-karozza tal-linja bdiet miexja lura, faqgħet il-ħajt li jifred il-foss mill-Park and Ride u spiċċat nofs mdendla għal isfel.
Wieħed mill-passiġġieri, Leon Xuereb, spjegalna kif malli wasal il-Park & Ride, ix-xufier niżel għal mument minn fuq tal-linja u wara ftit il-vettura bdiet mixja waħidha b’lura.
“Jiena flimkien ma’ raġel anzjan ieħor qbizt fil-ħin eatt qabel ma baqgħet dieħla fil-ħajt,” spjegalna Leon. Hu kompla li “l-ħames passiġġieri l-oħra laħqu mxew lejn il-parti ta’ quddiem tal-vettura. Li kieku m’għamlux hekk kien hemm ċans kbir li kienet tegħleb għal kollox għax kollha konna bilqiegħda fuq wara.”
Kien biss l-anzjan li laħaq qabeż minn tal-linja li sofra minn skoss f’daharu. Madankollu, hu qabad karozza tal-linja oħra u kompla fid-destinazzjoni tiegħu.
Aġġornament: Fi stqarrija, il-kumpanija Malta Public Transport qalet li qed issir investigazzjoni interna biex tiġi stabbilita l-kawża tal-inċident. Qalet li Uffiċjali tal-kumpanija responsabbli mis-Saħħa u s-Sigurtà marru mmedjatament u għalqu l-post tal-inċident.
(Ritratti: Leon Xuereb)
//= $special ?>


