Għawdex Lokali Parlament

Biżżejjed żmien għall-Gvern biex jibda jattwa dak li wiegħed

L-għajta tal-Gvern Laburista ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin ma ssarrfet f’ebda investiment għall-Għawdxin

Id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi qal fil-Parlament il-Baġit hu konferma li l-Gvern tal-ġurnata mhux veru li għandu roadmap u li m’għandux proġetti għal Għawdex iżda biss pjani u studji.

Meta tkellem dwar il-Ministeru għal Għawdex, Frederick Azzopardi qal li dan hu Gvern li issa jinsab dieħel fit-tielet sena tal-leġiżlatura tiegħu u issa għadda biżżejjed żmien biex jibda jattwa dak li wiegħed.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li jrid ikun il-gvern tal-ġurnata li jinċentiva lill-privat biex Għawdex jimxi ‘l quddiem u staqsa x’inhi r-roadmap tal-Gvern għal Għawdex għaliex s’issa għadu ma sar xejn. Semma li l-għajta tal-Gvern Laburista ta’ Xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin, ma ssarrfet f’ebda investiment sostanzjali għall-Għawdxin f’Għawdex.

Dwar kemm inħolqu impjiegi f’Għawdex sa Ottubru li għadda taħt din l-amministrazzoni, Frederick Azzopardi qal li jħali f’idejn il-poplu Għawdxi biex jgħid jekk kienx hemm aktar minn elf impjieg ġdid kif qed jingħad. Li kieku dan hu l-każ, m’hemm ħadd jirreġistra għax-xogħol f’Għawdex.

Dwar il-ftehim iffirmat mal-RS2 biex tinvesti miljun ewro u toħloq 100 impjieg ġdid, id-Deputat Nazzjonalista qal li dawn huma proġettati li jinħolqu tul ħames snin – 20 impjieg fis-sena.

Irrifera għal mistoqsija parlamentari li għamel lill-Gvern biex jgħid x’kienu l-programmi ta’ promozzjoni li saru biex jinħoloq ix-xogħol f’Għawdex, bit-tweġiba tkun biss “iva”. Fisser li din hi konferma li ma sar xejn għaliex li kieku sar, żgur li l-Gvern ma kienx se joqgġħd lura li jagħti l-lista ta’ inizjattivi u programmi li saru.

Dwar il-Medical and Health Care Hub li tħabbar li se jiftaħ f’Għawdex, Frederick Azzopardi qal hemm differenza kbira bejn dak li qal il-kelliem tal-Università Ingliża dwar dan il-proġett, u dak li qed jgħid il-Gvern.

Dwar mistoqsijiet li saru dwar dan il-proġett u l-opportunitajiet għal Għawdex, id-Deputat Nazzjonalista qal li dejjem kien hemm l-istess risposta – dik li l-għan tal-memorandum of understanding hu li jkun hemm kollaborazzjoni bil-ħsieb li titqwaqqaf istituzzjoni edukattiva dwar health science. Frederick Azzopardi qal li dan hu ħafna ‘l bogħod minn dak li ftaħar bih il-Gvern, u dan jirrifletti wkoll nuqqas ta’ serjetà mill-Gvern.

Staqsa jekk dan hux se jkun Skola Medika jew Skola tax-Xjenza dwar is-saħħa. Irrimarka li dwar dan hemm differenza kbira bejn iż-żewġ fakultajiet. Filwaqt li fisser li mhux kontra żvilupp fl-Isptar f’Għawdex, appella lill-Gvern ikun ċar u jitkellem fuq proġetti konkreti.

Irrimarka li għas-sena d-dieħla hemm ippjanat baġit ta’ €3.7 miljun anqas għall-Isptar ta’ Għawdex, u li jekk kellu jsir xi forma ta’ proġett kif qed jgħid li se jsir, il-fondi allokati kellhom jiżdiedu mhux jonqsu.

Ikkritika wkoll id-deċiżjoni tal-Gvern li neħħa r-responsabbiltajiet tas-saħħa u l-edukazzjoni mill-Ministeru għal Għawdex, u qal li din qed tħalli riżultati fis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni. Fl-eduklazzjoni, l-istudenti Għawdxin qed jonqsu.
Qal li jekk il-Gvern hu kommess li jżomm il-wegħda elettorali, staqsa meta se nibdew naraw ir-riżultati konkreti.

Il-baġit juri, qal Frederick Azzopardi, li l-Gvern qed jinsa u jaqta’ qalbu minn Għawdex.