KICKBOXING: Illejla se ssir l-edizzjoni li jmiss tal-Gladiators Night fil-lukanda Dolmen. Din il-kompetizzjoni se ssir taħt l-awspiċi tal-World Kickboxing Network (WKN) filwaqt li l-Boxing se jkun taħt l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Boxing (MBA-Boxing). Id-dettalji dwar din l-attività ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ.
Hawnhekk grupp ta’ atleti Maltin se jiltaqa’ kontra grupp mill-Italja fid-dixxiplini tal-Kickboxing, K1 u Boxing. L-ispettaturi se jassistu għal Fight Card ta’ 16-il taqbida ta’ livell professjonali u semi-professjonali. Team Malta se jkun magħmul minn atleti tal-klabbs ta’ Ying Yang Team Noel Kickboxing, Art of Fighting, Basement Kickboxing, Wu Shu Ky, Brown Boxing u Fight Factory.
L-atleti li se jikkompetu fit-taqbidiet tal-K1 huma Daniel Zahra, Reuben Azzopardi, Brandon Spiteri, Courtney Vella, Brandon Borg, Keith Micallef u Christian Schembri. Għat-taqbidiet tal-Kickboxing Malta se tkun rappreżentata minn Keith Azzopardi, waqt li għal dawk tal-Boxing se jkunu Tyrone Borg, Richard Vella, Malek Alzanat u Garth Galea.
L-isfidi prinċipali se jkunu dawk ta’ Daniel “the Jet” Zahra u Tyron “el Terribile” Borg fuq livell professjonali. Zahra se jaffaċċa lil Samuel Hadzima mis-Slovakkja f’taqbida K1 ta’ 3×3. Borg se jiltaqa’ ma’ Nardo Calzetti f’taqbida Boxing ta’ 6×3.
Se jkun hemm ukoll tliet taqbidiet lokali bir-regoli tal-Kickboxing. Fosthom taqbida għat-Titlu Nazzjonali tal-Gladiators fil-kategorija tat-68kg. Din se tkun “rematch” bejn Melvin Fenech minn Team Noel u Darren Scerri mill-Basement Kickboxing.
Aktar informazzjoni fuq il-paġna tal-facebook ta’ Gladiators Promotions jew mingħand Master Noel Mercieca fuq 79208283 u Isaac Chetcuti fuq 79098181.
//= $special ?>

