Baġit 2015 Edukazzjoni Ekonomija Lokali

Edward Scicluna ma jattendix Dibattitu fl-Università dwar il-Baġit

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ma attendiex għad-Dibattitu li qed isir illum waranofsinhar fil-Kampus tal-Università. Id-deċiżjoni li Edward Scicluna ma jattendix għad-Dibattitu jidher li ttieħed ta’ malajr, hekk kif kienet biss stqarrija li ħareġ il-Gvern fis-1pm li uriet li l-Ministru tal-Finanzi se jkollu attività oħra.

Barra minhekk, l-organizzaturi tad-Dibattitu fl-Università, Insite, ilhom għal dawn l-aħħar ġimgħat jirreklamaw li fl-attività se jattendi l-Ministru tal-Finanzi (fuq fir-ritratt). Għad-Dibattitu, li qed jitratta l-Baġit 2015, qed jattendu biss il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Tonio Fenech u ċ-Chairman tal-AD Arnold Cassola.

Mhux magħruf x’wassal għal dan it-tibdil ta’ malajr fil-programm ta’ attivitajiet tal-Ministru Edward Scicluna, hekk kif l-attività li tħabbret ta’ malajr mill-Gvern hi konferenza tal-aħbarijiet li ssejħet b’email mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nofsiegħa biss qabel bdiet l-attività u propju fl-istess ħin li kellu jibda d-Dibattitu fl-Università.

Sadanittant, id-Dibattitu organizzat mill-Insite hu wieħed miftuħ għall-istudenti u diversi għaqdiet li jirrapreżentaw lill-istudenti u liż-żgħażagħ. Uħud minn dawn ikkuntattjataw lil MaltaRightNow.com u spjegaw kif l-organizzaturi talbuhom jibgħatu email bl-ismijiet tal-persuni li se jkunu qed jintervjenu fid-Dibattitu. Ir-rappreżentanti tal-istudenti qalu li l-organizzaturi talbu wkoll biex fl-istess email ikun hemm ukoll il-mistoqsija li tkun se tiġi ppreżentata lill-panel.