Il-Gvern għandu jispjega jekk għadux marbut mal-bid book dwar l-applikazzjoni ta’ Malta għall-Belt Kapitali Ewropea
Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li l-qasam tal-kultura jrid jitqies bħala xprun għat-tisħiħ tal-poplu tagħna u rrimarka li l-Gvern qed juri li hu nieqes mill-viżjoni kulturali u artistika li għandu bżonn pajjiżna. Minflok investiment li jħalli wirt, hemm enfasi fuq it-tlellix tal-organizzazzjoni ta’ diversi attivitajiet mingħajr attenzjoni għall-infrastruttura meħtieġa.
Il-proġett ta’ Ċentru ta’ Kreattività f’St James Cavalier li kien twettaq mill-amministrazzjoni preċedenti, qal il-Kelliem tal-Oppożizzoni għall-Kultura u l-Komunikazzjoni, hu eżempju tal-infrastrutta tal-viżjoni kulturali f’pajjiżna.
Francis Zammit Dimech għamel dawn l-appelli fil-Parlament fid-diskussjoni dwar il-Baġit għall-kultura, fil-kuntest ukoll ta’ avvenimenti importanti li għandu pajjiżna quddiemu fis-snin li ġejjin, fosthon is-summit taċ-CHOGAM is-sena d-dieħla bi spiża ta’ €4.5 miljun, il-presidenza tal-UE fl-2017, u l-avveniment tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018.
Appella li dawn l-avvenimenti għandhom iservu għat-tisħiħ tal-infrastruttura fis-settur kulturali. Staqsa jekk hemmx il-kunċett ta’ budgeting għat-tliet snin li ġejjin u x’sar s’issa minn dan il-Gvern biex jassigura l-programm kulturali ma’ dawn it-tliet avveniment importanti u kbar f’pajjiżna. Din hi infrastruttura li trid tkun f’postha ferm qabel dawn l-avvenimenti. Staqsa wkoll x’qed isir ukoll biex nibnu l-professjonalità meħtieġa f’dan is-settur.
Dwar l-inizjattiva Valletta 2018, Francis Zammit Dimech ikkritika t-tqaċċit tad-direttur artistiku prinċipali li kellu rispett anke fil-komunità kulturali internazzjonali, u t-tneħħija wkoll taċ-Chairman. Li hu żgur hu li l-gvern irid jifhem bejn id-differenza kruċjali, bejn proġetti u programmi differenti li jkunu qed jitwettqu u għalhekk il-viżjoni trid tkun ċara u li turi Gvern b’impenn.
Fisser ukoll li l-kultura mhix forma biss ta’ divertiment u tkabbir ekonomiku, għax min jagħmel hekk ikun qed jabbuża u mhux jgħin il-kultura.
Dwar il-ħatriet li saru, Francis Zammit Dimech semma l-każ ta’ William Mangion, il-persuna li għax ġa sehem fil-kampanja elettorali tal-Partit Laburista ngħata l-kariga li jfittex garaxx għall-baned taż-żgħażagħ. Dtaqsa lill-Ministru responsabbli jgħid x’seħħ dwar dan, u jqiegħed ukoll kopja tal-kuntratt li l-Gvern għadu ma poġġix fuq il-mejda tal-Kamra biex ukoll tingħata informazzjoni dwar ix-xogħol li qed isir mal-komunità.
B’riferenza għall-pubblikazzjoni ppreżentata fil-Baġit bit-titlu ‘It-twettiq tal-Baġit 2014′, Francis Zammit Dimech qal li dan hu biss lista ta’ appuntamenti ta’ laqgħat u ta’ attivitajiet bla ebda informazzjoni ta’ sustanza.
Dwar il-proġetti kapitali, Francis Zammit Dimech staqsa jekk il-Gvern għadux marbut mal-bid book dwar l-applikazzjoni għall-belt kapitali Ewropea. Kien hemm mira ta’ nefqa ta’ €16-il miljun b’diversi proġetti kbar u importanti. Staqsa x’qed isir dwar dan u meta se jitlestew.
Appella għall-motivazzjoni tal-ħaddiema f’dan is-settur, u appella biex ma tiddaħħalx il-politika partiġjana fuq qasam li hu tal-poplu kollu.
Staqsa wkoll lill-Ministru jispjega dwar public service obbligation ġdid għal tv station culture.
Irrifera wkoll għall-affarijiet tal-mistħija fil-websajt dwar iċ-CHOGAM fejn tidħol it-taqsima tal-kultura, u rrimarka li hemm dettalji bażiċi żbaljati bħalma hi d-data ta’ meta nbniet il-belt kapitali ta’ Malta u użu ta’ Ingliż ħażin li flimkien joħolqu taħwida u kawlata. Qiegħed fuq il-mejda tal-kamra kopji tal-paġni tal-websajt tal-Gvern u appella għal politika ta’ sustanza u onestà, u mhux ta’ tlellix.
//= $special ?>