Lokali

Ħaddiema Asjatiċi tal-Leisure Clothing imġiegħla jagħtu merħba lil Bin Han u Liu Jia wara l-ħelsien mill-arrest

Bin Han u Liu Jia, id-Direttur Maniġerjali u d-Direttur tal-Marketing rispettivament tal-fabbrika Leisure Clothing (Factory) Limited, ilbieraħ filgħodu ngħataw merħba minn numru ta’ ħaddiema Maltin u Asjatiċi li kienu mġiegħla joħorġu barra l-bini u jċapċpu lil dawn iż-żewġ persuni li l-ġimgħa li għaddiet kienu akkużati fil-Qorti bi traffikar uman ta’ Asjatiċi għal skop ta’ sfruttament fil-kamp tax-xogħol.

Bin Han u Liu Jia kienu qed jirritornaw fil-fabbrika wara jiem maqfula fil-Ħabs ta’ Kordin meta l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras oriġinarjament ma kinitx laqgħet talba tad-Difiża għal-libertà proviżorja minħabba s-serjetà u l-gravità tar-reat u għax minn tfittxija li kienet saret fir-residenza ta’ Bin Han, kien irriżulta li kellu l-bagalji ppakjati b’biljetti tal-ajru lesti biex jaħrab minn Malta.

Madankollu, il-Ġimgħa li għadda, il-Maġistrat Carol Peralta ta l-libertà proviżorja liż-żewġ Ċiniżi fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €25,000. Din id-deċiżjoni ħasdet, fost l-oħrajn, lill-istess investigaturi li ħassewhom sorpriżi b’ħaġa bħal din.

Sadanittant, ritratt żvelat fil-ħarġa tal-lum ta’ In-Nazzjon juri x-xenarju surreali tal-bieraħ filgħodu fil-fabbrika Leisure Clothing, b’impjegati tal-kumpanija jħeġġu u jġiegħlu lis-suppost kollegi ħaddiema tagħhom Asjatiċi joħorġu barra fil-brejk tad-9am biex iċapċpu u jxejru lil Bin Han u Liu Jia appena jaslu fil-fabbrika.

Fil-Qorti Bin Han u Liu Jia qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi li ttraffikaw umani għal skop ta’ xogħol, li rċievew ħlasijiet minn fuq ħaddiema permezz ta’ theddid, li dawru profitt illeċtu minn fuq ħaddieħor, li bħala Diretturi naqsu milli jħallsu paga diċenti u li ma ħallsux ħlasijiet skont il-Liġi.