Internazzjonali Kurżitajiet

Iddeċifrat ktieb misterjuż mill-Eġittu tal-Qedem dwar il-maġija

Ktieb antik misterjuż, miktub f’ilsien Eġizzjan magħruf bħala l-Koptiku, għaġġeb lir-riċerkaturi mindu nstab bħala parti minn ġabra estensiva ta’ papyrus fl-Universita’ ta’ Macquarie fl-Awstralja fl-1981.

Iżda issa, żewġ xjenzati Awstraljani qalu li, sa fl-aħħar, irnexxielhom jittraduċu t-test li għandu 1,300 sena u rriżulta li l-kontenut ikopri tagħrif dwar il-maġija.

Madankollu l-misteru jibqa’ dwar min kiteb il-ktieb u uża l-maġija.

Malcolm Choat, id-direttur taċ-Ċentru dwar ir-Riċerka ta’ Kulturi Antiki fi ħdan l-Universita’, u wieħed mix-xjenzati li ddeċifra l-ktieb l-antik, qal li “ħafna mill-kitbiet maġiċi Koptiċi kienu kkupjati jew użati fi ħdan komunitajiet monastiċi, u l-grad ta’ għarfien dwar ir-ritwal fl-invokazzjonijiet, jagħmlu lill-kleru jew il-patrijiet bħala kandidati għall-produzzjoni tagħhom”.

Hu żied li “prattikanti oħrajn tar-ritwal jistgħu jkunu immaġinati, u bla dubju l-maġija setgħet saret għan-nom ta’ nies ordinarji li riedu soluzzjoni għall-problemi tagħhom.”