Stqarrija maħruġa mill-produtturi lokali tal-inbid tiżvela li t-taxxa l-ġdida li l-Gvern daħħal fuq l-inbejjed hija taxxa li daħlet mingħajr konsultazzjoni.
Il-kumpaniji Marsovin, Meridiana, Camilleri Wines u Vitimalta qalu li din it-taxxa hija biss theddida għal dak li ġie miksub minn dan is-settur fl-aħħar 10 snin.
Din it-taxxa qed jirreferu għaliha bħala waħda li tkisser il-kompetizzjoni – taxxa ta’ 20ċ fuq kull litru li tfisser b’mod prattiku 15ċ fuq kull flixkun Malti tal-inbid.
Fl-istqarrija, il-produtturi tal-inbid fakkru fix-xogħol siewi li kien sar qabel pajjiżna issieħeb fl-UE għaxar snin ilu. B’mod partikolari, sar investiment fl-iżvilupp tal-Girgentina u l-Ġellewża, u nkisbu fondi tal-UE biex jgħinu s-settur tal-vitikultura.
Issa s-sitwazzjoni hija kompletament differenti. Għalhekk il-produtturi tal-inbid qed jgħidu li l-Gvern għandu jirrikonoxxi r-rwol eżemplari u l-kontribut ta’ dawn il-kumpaniji. Dan għandu jkun ta’ benefiċċju wkoll għal-bdiewa u l-konsumatur.
//= $special ?>