Lokali

IL-ĠURNALI DALGĦODU

Ħarsa lejn il-gazzetti li ħarġu llum il-Ġimgħa, 28 ta’ Novembru.

L-istorja ewlenija tinsab f’THE TIMES fejn naqraw illi teżisti evidenza b’filmati tal-isparatura tax-xufier tal-Ministru Manwel Mallia. Jidher li l-filmati inġibdu minn żewġ nisa bil-mobile. U wara, kien hemm raġel li mar fuqhom biex jara l-filmati.

F’rapport ieħor naqraw illi l-UE tinsab imħassba minħabba l-miri finanzjarji li fassal il-Gvern fil-Baġit għas-sena d-dieħla.

IN-NAZZJON jirrapporta dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja li tressqet fil-Ministru Manwel Mallia. Jagħtina ukoll żviluppi ġodda dwar il-fabbrika Leisure Clothing fejn ilbieraħ irritornaw iż-żewġ Diretturi li kienu tressqu l-Qorti u nżammu arrestati.

L-ORIZZONT jikkwota lill-Prim Ministru jgħid li jaf eżatt meta se jitlesta l-proġett tal-power station, għalkemm f’intervista fuq TVM ma ta l-ebda dettalji.

THE MALTA INDEPENDENT jiffoka fuq il-każ tal-farmhouse ta’ Helena Dalli u jgħid illi l-Ministru qed tinsisti li hi mhix is-sid tal-propjeta’ fejn qed isiru xogħlijiet illegali.