Lokali Parlament

Il-Gvern m’għandux il-polz f’idejh tal-bżonnijiet tal-Kunsilli Lokali

Transport Malta ma tistax tkompli tirrombla fuq il-Kunsilli Lokali

L-Oppożizzjoni staqsiet lill-Gvern jekk għandux il-polz f’idejh tal-bżonnijiet tal-Kunsilli Lokali meta r-rivoluzzjoni siekta li kien qal li qed iwettaq, qed tirriżulta fi gvern rieqed u li qed jaqta’ qalb il-Kunsilli Lokali.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u Kelliem dwar il-Kunsilli Lokali, David Agius, tkellem dwar in-nuqqas ta’ politika ċara tal-Gvern għall-Kunsilli Lokali meta fil-Parlament kien qed jiġi approvat il-baġit tal-Kunsilli Lokali għas-sena d-dieħla.

Irrifera għar-risposti li kellu l-Gvern fl-aħħar ta’ Ottubru fil-konsultazzjoni li għamel biex ma jagħmilx l-elezzjonijiet tal-Kunsilli tas-sena 2017.

David Agius fisser li saru 40 sottomissjoni, li minnhom kien hemm biss 11 li qalu li jridu li l-elezzjonijiet lokali jsiru kull ħames snin, u staqsa kif il-Gvern jiddeċiedi fuq 11-il sottomissjoni mill-pubbliku. Hu qal li l-Gvern kien deċiż li ma jagħmilx dawn l-elezzjonijiet fuq raġuni politika.

Filwaqt li sema’ minn 11-il persuna biex ma jagħmilx l-elezzjonijiet lokali, David Agius qal li l-Gvern qed jinjora l-appelli u l-proposti tal-Oppożizzjoni, bħalma kienet il-proposta li 10% tal-liċenzji mill-karozzi jmorru għall-Kunsilli Lokali. Dan ikun ifisser €5 miljun għall-Kunsilli Lokali.

Dan hu Gvern li l-Kunsilli Lokali jrid iħallihom fis-sitwazzjoni li jinsabu fiha llum u qal li s-sitwazzjoni hi diżastruża.
Staqsa x’qed isir biex Transport Malta ma tirromblawx fuq il-Kunsilli Lokali. Fakkar li l-Gvern wiegħed ukoll ċentru għall-aznjani fil-Birgu u f’Ħal Balazan u filwaqt li fil-Birgu qed jingħad li se jinfetaħ, ma ssemma xejn dwar Ħal Balzan.

Staqsa wkoll jekk it-tindif hux se jibqa’ fir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali għax qal li numru ta’ servizzi komunitarji se jibdew isiru mill-gvern ċentrali.
Appella lill-Gvern jieħu deċiżjoni dwar is-sistema tal-gwardjani lokali, u li dwarha l-Oppożizzjoni għaddiet proposta u trid tpoġġi mal-Gvern biex tiddiskuti. Staqsa jekk il-Gvern illum jaqbilx li jkun hemm Kummissarju fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, u biex jieħu pożizzjoni dwar dan.

Il-Baġit, fissru bħala kliem biss u xejn fatti. Appella wkoll lill-Gvern jagħti data dwar meta se jsiru l-elezzjonijiet tal-Kunsili Lokali.

Filwaqt l i fisser li l-Kunsilli Lokali huma r-raba’ pilastru tad-demokrazija, qal li l-baġit ma joffrix 1% lill-kunsilli Lokali. Staqsa jekk dan ifissirx li l-Gvern m’għandux fiduċja fil-Kunsilli Lokali u li jrid idgħajjef u jaqta’ qalb il-Kunsilli Lokali.

Appella lill-Gvern ma jħallix l-istat li jinsabu fih il-Kunsilli Lokali, u li dan qed jitolbuh ukoll Sindki Laburisti bħalma huma ta’ Birżebbuġa u Ħaż-Żebbuġ.

Il-Gvern irid jisma’ lill-Kunsilil Lokai u għandu jmur fil-Kunsili Lokali u jara l-bżonnijiet tagħhom. L-Oppożizzjoni lesta tgħin fil-konsultazzjonijiet meħtieġa.

Appella lill-Gvern jibda jitkellem dwar finanzjament sew għall-Kunsilli Lokali u dan wara li jara l-bżonnijiet tagħhom.