Lokali Parlament

Il-Gvern m’għandux jagħmel distizzjoni fost iż-żgħażagħ bi dritt tal-vot ta’ 16

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar appella lill-gvern ma jċaħħadx żgħażagħ u ma jagħmilx distinzjoni fid-dritt li se jingħata għall-ewwel darba bil-Vot 16, bejn żgħażagħ li għandhom jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali s-sena d-dieħla u dawk li jkun imisshom jivvutaw fis-sena ta’ wara.

Robert Cutajar qal li l-Parlament kollu qabel li jingħata l-Vot ta’ 16-il sena kif kien imwiegħed ukoll minn qabel l-elezzjoni kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Oppożizzjoni.

Iżda rrimarka li rajna lill-Gvern u lill-Ministru Bonnici jipprova jaħtaf id-dritt ukoll liż-żagħżagħ kollha meta pprova jipposponi l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali għas-sena d-dieħla, u li l-Gvern għadu ma tax data meta se jsiru.
Robert Cutajar qal li ż-żgħażagħ kollha għandhom id-dritt jivvutaw u m’għandix issir distinzjoni.

Tkellem ukoll dwar il-baġit għall-Kunsilli Lokali u qal b’dispjaċir, li dan hu settur li għall-Partit Laburista jibqa’ mmarkat bħala settur li naqas fih u ma jistax ikun kredibbli u jitwemmen.

Irrimarka li f’sena u nofs inbidel darbtejn is-Segretarju Parlamentari u nbidel ukoll il-Ministru, u għalhekk hu ċar li mh’emmx stabbilità fil-politika tal-Gvern għall-Kunsilli Lokali u dan jikkuntrasta mal-ħidma kbira li twettqet biex il-Partit Nazzjonalista welled u kabbar lill-Kunsilli Lokali minkejja d-diffikultajiet li ħoloq il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni.

Wara l-ewwel sena u nofs, Robert Cutajar qal li l-Kunsilli Lokali għandhom ħafna mistoqsijiet u qed jiltaqgħu ma’ diversi diffikultajiet u problemi fosthom mal-MEPA, u mal-problemi li qed jiffaċċjaw fil-qasam tat-trasport pubbliku fejn f’dan il-qasam fisser li ħafna kunsilli lokali għadhom ingannati bis-servizz li qed jingħata u li wkoll li naqas.

Irrifera għal diffikultajiet oġra li qed jiffaċċjaw il-Kunsilli Lokali, fosthom fil-prożess għal fondi Ewropej, tnaqqis drastiku fil-fondi għal attivitajiet kulturali u fl-iskema tal-isport fejn għall-ewwel darba l-Kunsilli Lopkali qed jintalbu li jkun hemm ħlas ta’ €20 għal kull zagħżugħ li jipparteċipa.

Irrimarka wkoll li m’hemm ebda inizjattiva għal aktar twaqqif ta’ open air gyms u talab lill-Gvern jgħid xi pjani hemm dwar dan.
Staqsa wkoll jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra ring fencing biex il-Kunsilli jagħtu aktar edukazzjoni dwar stil ta’ ħajja aħjar.