Baġit 2015 Ekonomija Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea twissi lil Malta dwar il-Baġit 2015, twissija dwar l-iżbilanċ u d-dejn

Il-Kummissjoni Ewropea wissiet uffiċjalment lil Malta dwar ir-riskju li l-Baġit 2015, imressaq mill-Gvern fil-Parlament il-ġimgħa li għaddiet, ma jkunx konformi mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea. Wara analizi li l-KE għamlet tal-Baġit 2015, qalet li t-tnaqqis fl-iżbilanċ fil-finanzi tal-Gvern Malti din is-sena hu ‘l bogħod minn dak li ġie rakkomandat meta l-UE fetħet proċeduri ta’ defiċit eċċessiv kontra Malta s-sena l-oħra.

Skont il-KE, dan iġib miegħu riskju li l-korrezzjoni tal-iżbilanċ ma ssirx kif suppost minħabba li ma sarx sforz biżżejjed biex tiġi indirizzata din il-problema. Malta ġiet imwissija wkoll minħabba d-dejn, li fl-2014 se jkun ogħla milli mitlub mir-regolamenti Ewropej. Il-KE appellat lill-Gvern Malti biex jieħu l-miżuri neċessarji biex jiġi konformi mal-Patt ta’ Tkabbir u Stabbiltà, jiġifieri mar-Regolamenti li Malta trid tosserva bħala membru taż-Żona Ewro biex l-iżbilanċ ikun taħt it-3% u d-dejn nazzjonali taħt is-60% ta’ dak li jipproduċi l-pajjiż.

Il-KE ġibdet ukoll l-attenzjoni tal-Gvern Malti biex jaħdem aktar ħalli jtejjeb is-sostenibbiltà tas-sistema tal-kura tas-Saħħa, idaħħal aktar miżuri biex jirriforma l-Pensjonijiet u jiżgura li jkompli jnaqqas l-evażjoni tat-taxxa. Kif kien qed jiġi antiċipat, Malta qalgħet din it-twissija flimkien mal-Belġju, Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija u l-Portugall. Min-naħa l-oħra l-baġits li ppreżentaw l-istati membri l-oħra kollha tal-UE ġew approvati.

Il-Gvern iwieġeb

Sadanittant, f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li f’Ottubru l-Gvern ma bagħatx iċ-ċifri dettaljati dwar il-miżuri ta’ taxxi indiretti biex tkun evitata l-ispekulazzjoni, speċjalment fejn jidħlu spirti u sigaretti. Għall-Kummissjoni Ewropea, dak li mhux miktub jitqies li mhux se jsir u kien għalhekk li nħarġet dik it-twissija.

Il-Ministru Edward Scicluna qal li l-Gvern se jipprova jirranġa din is-sitwazzjoni u fost is-soluzzjonijiet hemm li l-Baġit jibda jkun ippreżentat aktar kmieni. L-istess pożizzjoni kienet espressa wkoll mill-Gvern fi stqarrija li ħareġ ftit minuti qabel il-konferenza tal-aħbarijiet.