Lokali

Il-Labour qed jaħrab mill-wegħdi li għamel – Mario de Marco

Il-meritokrazija, it-trasparenza, l-iggvernar għaqli, il-kontabilita’ – kollha wegħdi tal-Partit Laburista li taruh mar-riħ f’inqas minn sentejn.

Meta kien qed jagħlaq l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma Parlamentari Mario de Marco qal li minflok meritokrazija, il-poplu ngħata il-muscatokrazija b’dawk li huma qrib Muscat biss javvanzaw u jingħataw il-karigi.

Minflok it-trasparenza, il-Gvern Laburista qed iħaddem politika tal-ħabi. Mario de Marco elenka numru ta’ episodji fejn il-Gvern ħeba l-informazzjoni fosthom żewġ inkjesti dwar aġir fil-Korp tal-Pulizija, il-kuntratt tal-Power Station mal-konsorzju electrogas, il-memorandum ta’ ftehim ma’ Shanghai Electric biex jixtru l-power station tal-BWSC, il-kuntratt ta’ mart il-Ministru Konrad Mizzi li dam moħbi għal sena sħiħa, il-kuntratt tal-ħabiba ta’ mart il-Prim Ministru li ingħatat kariga fl-MTA fi New York, u iktar riċentement it-tentattiv sabiex jitgħatta inċident serju tal-isparatura fil-Gżira.

Semma wkoll l-uniċi proġetti tal-Gvern Laburista jinsabu weqfin, u fil-każ tal-Power Station il-ġdida, lanqas biss beda. Mario De Marco qal li bil-kontra tal-iggvernar għaqli li wiegħed, in-nuqqas ta’ iggvernar għaqli wassal biex it-tenders għall-Casino u għat-Trasport Pubbliku huma weqfin u t-tnejn li huma jinsabu fil-Qorti.

Il-Viċi Kap tal-PN sostna li l-Gvern għandu jara li jkunu salvagwardjati l-impjiegi. Mhux aċċettabbli li l-esportazzjoni tonqos b’27% f’sena. Mario de Marco tenna li mhux biżżejjed li wieħed jara l-ekonomija tikber fit-turiżmu u fis-servizzi finanzjarja, iżda li l-ekonomija tikber għal kulhadd.

Hu staqsa x’setturi ekonomiċi ġodda qed jiżviluppa l-Gvern għaliex l-iżvilupp ta’ niċeċ ġodda hu kruċjali għall-kompetittivita’ tal-pajjiż.

Mario de Marco temm li l-Partit Nazzjonalista se jkun it-tarka ta’ kulħadd. U l-Onesta’ Politika għandha tkun dik li tiddistingwi lill-Partit Nazzjonalista mill-Gvern Laburista.