Internazzjonali

IL-LIBJA: Renju ta’ terrur mill-ISIS f’Derna

Il-gruppi tal-milizzji armati li jikkontrollaw il-belt ta’ Derna, lejn il-Lvant tal-Libja, qed jitterrorizzaw lir-residenti li, illum, spiċċaw suġġetti għall-esekuzzjonijiet, minbarra swat fil-pubbliku u tipi oħra ta’ abbuż vjolenti.
L-atroċitajiet qed isiru fl-assenza tal-awtoritajiet tal-Istat u l-amministrazzjoni tal-liġi, bil-gruppi tal-milizzji jinkludu estremisti meqjusa bħala ‘fergħa’ tal-moviment ISIS li qed iwettaq il-massakri fl-artijiet li jikkontrolla fl-Iraq u fis-Sirja.
Il-Human Rights Watch iddokumenta talanqas tliet każi fejn in-nies inqatlu kiesaħ u biered, bi stil ta’ esekuzzjoni, f’Derna. Dawn il-każi, minbarra, każi oħra fejn ir-residenti sfaw imsawwtin bil-frosta quddiem il-pubbliku, saru fuq l-inizjattiva tal-Kunsill taż-Żgħażagħ Iżlamiċi ta’ Shura – entita estremista li għadha kemm ħalfet lealta lill-ISIS.
Iddokumentati wkoll hemm il-każi fejn tliet residenti ta’ Derna spiċċaw b’rashom maqtugħa u li qed jitqiesu bħala delitti tal-gwerra. Ma dan, wieħed iżid numru sostanzjali ta’ każi fejn inqatlu l-uffiċjali pubbliċi, l-imħallfin, il-membri tal-qawwiet tas-sigurta u oħrajn, inklużi n-nisa, b’dawn id-delitti jidhru li għandhom aspett politiku.
Sarah Leah Whitson, id-Direttur ta’ Human Rights Watch għal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq, ikkonfermat li ‘l-milizzji estremisti li qed jikkontrollaw Derna fl-assenza tal-awtoritajiet stabbiliti qed imexxu programmi ta’ terrur kontra r-residenti’. Hi wissiet li l-kmandanti tal-milizzji jridu jifhmu li jistgħu jkunu proċessati fuq livell domestiku jew internazzjonali, minħabba l-abbużi gravi tad-drittijiet umani mill-qawwiet tagħhom.
Minbarra l-Kunsill ta’ Shura, hemm aktar milizzji estremisti f’Derna u l-madwar, li jinkludu ġellieda tal-gruppi Ansar al-Sharia u l-‘Brigata tal-Martri’, Abu Saleem.

Għar-rapport sħiħ